Budget Li Jiggarantixxi Futur Sabiħ U Stabbli Għaż-Żgħażagħ

 Budget Li Jiggarantixxi Futur Sabiħ U Stabbli Għaż-Żgħażagħ

Żgħażagħ Laburisti jsostnu li l-Budget 2023 Malta, Ċertezza u Stabbiltà huwa pjan ekonomiku u finanzjarju li qed jiżgura futur sabiħ u stabbli għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Permezz taż-żamma fiż-żieda tal-istipendju, iż-żieda addizzjonali fuq il-COLA u t-tisħiħ tal-programmi ta’ boroż ta’ studju u tax credits qed ikun żgurat li l-istudenti jkunu finanzjarjament sostnuti biex jimxu ’l quddiem fil-vjaġġ edukattiv u tal-istudji tagħhom.

Bl-estensjoni tal-inizjattiva one-tablet per child, u bil-ħolqien tal-inizjattiva ta’ għotja ta’ laptop lill-istudenti kollha se jiġi żgurat aċċess għat-teknoloġija neċessarja għat-tagħlim fid-dinja tal-lum. Dan filwaqt li nemmnu li bis-saħħa taż-żieda fil-ħin għall-edukazzjoni fiżika u żieda fit-tax rebate ghall-attendenza f’attivitajiet extra-kurrikulari, se jitrawwwem impenn ta’ eżerċizzju fiżiku fit-tfal tagħna.

Żgħażagħ Laburisti jilqgħu wkoll il-fatt li se jinbeda x-xogħol fuq il-kampus il-ġdid tal-ITS, u li se jkompli l-investiment fl-istituzzjonijiet l-oħra. “Kull student ħaqqu li jistudja f’ambjent komdu, modern u adattat”, sostnew Żgħażagħ Laburisti.

Żgħażagħ Laburisti jinnutaw ukoll kif dan il-Gvern huwa l-uniku garanzija għal futur stabbli u ċert għall-persuni b’diżabilità, u żgħażagħ li qed jilħqu l-ambizzjoni tagħhom li jixtru l-ewwel proprjetà permezz tal-implimentazzjoni ta’ wegħda elettorali oħra. Dan hekk kif flimkien mal-iskemi eżistenti li ġew estiżi, bħal tnaqqis fit-taxxa tal-boll u inċentivi għal xiri ta’ proprjetà f’żoni UCA, il-Gvern se jibda jagħti €1,000 kull sena għal għaxar snin, lil first-time buyers li xtraw proprjetà b’self sa mill-bidu ta’ din is-sena.

Żgħażagħ Laburisti jilqgħu b’sodisfazzjon wkoll li l-ambjent jibqa’ prijorità fil-Budget 2023 permezz ta’ inizjattivi għax-xiri ta’ karozzi elettriċi, żieda ta’ charging pillars u l-bidu tal-implimentazzjoni ta’ miżura elettorali, biex ikollna spazji aktar ħodor fiż-żoni urbani.

Dan kollu jista’ jsir għaliex Gvern Laburista qed jaddotta politika finanzjarja li tiżgura li l-finanzi tal-pajjiż ikunu stabbli u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Nemmnu li b’dan il-Budget, il-Gvern qed jispira fiduċja fina ż-żgħażagħ, jsaħħaħ il-ħiliet tagħna, u jgħinna niksbu l-ambizzjonijiet tagħna. Kull żagħżugħ u żagħżugħa jaħsbu u jistinkaw għall-futur tagħhom; u dan il-Budget huwa għodda li bih Gvern Laburista llum qed juri l-fiduċja tiegħu fiż-żgħażagħ, joħloq l-opportunitajiet, u jsostnihom fl-ambizzjonijiet tagħhom” temmew jgħidu Żgħażagħ Laburisti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com