Fairyland Mill-Ġdid Fil-Festi Tal-Milied Fi Pjazza Tritoni.

 Fairyland Mill-Ġdid Fil-Festi Tal-Milied Fi Pjazza Tritoni.

Ser ikun qiegħed jirritorna l-villaġġ Fairyland mit-8 ta’ Diċembru li ġej u jibqa’ għaddej sas-6 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. L-attrazzjonijiet fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, ser jinvolvu l-istess varjetà bħas-sena preċedenti bid-differenza li għal din is-sena mistennija anke jiżdiedu logħob ġodda kif ukoll żona speċifika fejn it-turisti u l-pubbliku inġenerali jistgħu jsegwu logħbiet mit-Tazza tad-Dinja tal-futbol.  

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef. Il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-avveniment ta’ Fairyland huwa konferma oħra ta’ kemm Malta kapaċi tgħaqqad diversi niċeċ flimkien li permezz tagħhom igawdu t-turisti barranin, dawk lokali, u faxex soċjali ta’ kull età. “Jeħtieġ li nkomplu naħdmu bi strateġija li permezz tagħha nimmiraw żieda fin- numru ta’ turisti fix-xhur tax-xitwa billi nkomplu nkabbru u niżviluppaw oqsma bħal ma huma dawk ta’ kompetizzjoni sportiva, inkluż e-sports, training camps ta’ diversi dixxiplini, btajjel qosra b’interess kulturali, gastronomiku, artistiku, mużikali, reliġjuż, laqgħat u konferenzi”, kompla jgħid il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef żied jgħid li attrazzjonijiet bħal Fairyland huma eżempju ta’ kif pajjiżna qiegħed imur ‘il bogħod mit-turiżmu staġjonali u minflok qiegħed jadotta strateġija li permezz tagħha Malta tkompli tattira turisti b’mod kostanti matul is-sena kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com