Fil-Kalkara, Inawgurat L-Ewwel Ġnien ‘Carbon-neutral’ F’Malta
Il-Ministeru għall-Ambjent irriġenera l-eks ċimiterju militari fil-Kalkara sabiex joħloq l-ewwel ġnien carbon-neutral f’Malta. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina inawguraw Ġnien ir-Rnella
Bl-għajnuna ta’ Ambjent Malta u Parks Malta, il-Ministeru attrezza dan il-ġnien b’teknoloġija innovattiva b’sistemi t’enerġija rinnovabbli u tal-konservazzjoni tal-ilma, u bi prattiċi li jħarsu l-ambjent naturali. Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif bħala ġnien carbon-neutral, dan il-post ta’ mistrieħ fil-beraħ se jiġġenera l-elettriku li jeħtieġ b’mod sostenibbli u jaħżen biżżejjed ilma tax-xita għat-tisqija mingħajr ma jirrikorri għal sistemi esterni li jikkawżaw l-emissjonijiet.
“Qed niftħu spazju miftuħ ieħor għat-tgawdija ta’ kulħadd. Filwaqt li qed noffru ambjent aħjar lir-residenti tal-Kalkara u tal-madwar, ridna li bl-użu tat-teknoloġija jkun proġett ambjentalment sostenibbli u innovattiv, li jwitti t-triq għal ħafna aktar proġetti ta’ dan it-tip f’pajjiżna. Permezz ta’ investimenti ambjentali bħal dawn, qed inwettqu l-wegħda tagħna li nagħtu aktar spazji miftuħa lill-familji f’Malta, filwaqt li nkomplu fil-mixja tagħna lejn in-newtralità mill-karbonju sas-sena 2050,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
B’investiment ta’ miljun ewro, dan il-proġett kien jinkludi r-restawr ta’ erba’ ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita għat-tisqija, l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika, u titjib estensiv taż-żoni bis-siġar u pjanti, bil-livellar tal-ħamrija u kura tas-siġar eżistenti u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda. Il-ħaddiema installaw ukoll għajn għall-ilma tax-xorb (drinking water fountain), mogħdijiet solari (solar paving) li se jiġġeneraw l-elettriku meħtieġ għas-sistemi tad-dawl u elettriċi ta’ dan il-ġnien, kif ukoll smart benches u solar smart bins.
Ir-restawr tal-erba’ ġibjuni kien iffinanzjat minn Coca Cola Foundation, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-kumpanija. B’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-wirt storiku, ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien qieset ukoll il-ħarsien tal-wirt arkitettoniku ta’ dan il-post, li fis-seklu 19 serva bħala ċimiterju militari. Dan il-proġett qed jikkontribwixxi għall-miri tal-iżvilupp sostenibbli: SDG 3, SDG 11 u SDG 15.
Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ Ġnien ir-Rnella huma bejn is-7:30 ta’ filgħodu u 8:30 ta’ filgħaxija.
Ritratti: DOI, MEEE