Il-Biċċerija Pubblika Hija L-Ewwel Entità B’Sistema Ta’ Monitoraġġ Fuq Il-Konsum Tal-Elettriku U L-Emissjonijiet Ta’ Gassijiet Serra
Il-Biċċerija Pubblika hija l-ewwel entità f’Malta li bdiet timmonitorja, b’mod sistematiku, il-konsum tal-elettriku u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-hekk imsejjaħ Greenhouse Gas Protocol (GHG Protocol).
Waqt żjara fil-Biċċerija Pubblika, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ddeskriva dan il-pass bħala azzjoni konkreta ta’ kif il-gvern qed jaħdem biex iżid l-effiċjenza u fl-istess ħin inaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tiegħu. Il-Biċċerija Pubblika tassigura s-sigurtà tal-ikel billi tiffaċilita l-provvista ta’ laħam lokali. Il-proċessi ta’ iġjene jirrikjedu konsum qawwi ta’ enerġija, partikolarment biex jintlaħqu temperaturi għoljin neċessarji għall-isterilizzazzjoni tal-impjant u għodda differenti. Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li tiġi installata din is-sistema.
Il-GHG Protocol jipprovdi standards, linji gwida u għodda intiżi biex jgħinu lil gvernijiet u negozji jkejlu l-konsum tagħhom tal-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet ta’ gassijiet li qed jikkawżaw il-bidla fil-klima. Din is-sistema taqsam l-emissjonijiet fi tlieta, dawk diretti bħall-emissjonijiet minn użu ta’ fjuwil, dawk indiretti bħall-emissjonijiet mill-konsum tal-elettriku u dawk addizzjonali bħall-emissjonijiet minn trasport ta’ prodotti u vjaġġar.
Uffiċjali tal-kumpanija ClearVUE, li qed jassistu lill-Biċċerija Pubblika f’dan il-monitoraġġ, spjegaw lill-Ministru Refalo kif taħdem is-sistema, u kif qed jiġu identifikati oqsma, proċessi u investimenti oħra li jistgħu jgħinu lil dan l-impjant jnaqqas l-impatt ambjentali tiegħu u fl-istess ħin jikseb riżultati aħjar.
“Dan il-pass li qed nieħdu huwa turija tal-isforz li qiegħed isir mill-ministeru biex il-Biċċerija Pubblika ssir vetrina ta’ effiċjenza u kwalità. Fl-istess ħin qed inkomplu nikkontribwixxu għat-twettiq tal-wegħda elettorali li nżidu l-effiċjenza fl-operat tal-Biċċerija Pubblika b’risq ir-raħħala lokali,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.