Il-Festi Diskussi Waqt Konferenza Reġjonali Bit-Tema – Niġġeddu B’Viżjoni

 Il-Festi Diskussi Waqt Konferenza Reġjonali Bit-Tema – Niġġeddu B’Viżjoni
Niġġeddu b’viżjoni hija t-tema ta’ konferenza reġjonali li se tkun organizzata mis-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar nhar is-Sibt 29 ta’ Ottubru, 2022. Din il-konferenza se tkun qed tlaqqa l-għaqdiet kollha relatati mal-festi fir-reġjun tat-Tramuntana kif ukoll miftuħa għal dawk interessati f’dan is-settur.
Lura f’Mejju l-istess soċjetà kienet organizzat seminar bl-istess tema, din id-darba kienu mistiedna l-membri tal-istess soċjetà. Fih kien ġie diskuss kwestjonarju li sar għall-ewwel darba fin-Naxxar relatat mal-volontarjat u l-festi. Permezz ta’ dan l-istħarriġ ħarġet stampa ċara tar-realtà f’dan is-settur fil-Belt tan-Naxxar, fejn fost dawk li rrispondew kienu 25% biss li qalu li jagħmlu xi tip ta’ xogħol volontarju, b’12% biss ta’ dawk li wieġbu li qatt m’għamlu volontarjat huma nteressati li jibdew jinvolvu ruħhom.
Min-naħa l-oħra f’dan l-istħarriġ li sar minn Dott. Vincent Marmara ħareġ li 78% tar-residenti fin-Naxxar jattendu għall-festa ta’ Marija Bambina, bl-aktar ġurnata popolari tkun il-purċissjoni f’nhar il-Festa.
F’dan l-istħarriġ ħarġu diversi riżultati interessanti li wħud minnhom se jkunu diskussi waqt din il-Konferenza Reġjonali. Se jkun diskuss ukoll kwestjonarju ġdid li sar fost l-għaqdiet involuti fl-organizzazzjoni tal-festa fir-Reġjun, kif ukoll b’mod partikolari l-isfidi ta’ wara l-pandemija, d-differenzi fil-festi bejn reġjun jew ieħor, il-mod kif niċċelebraw u l-uniċità tal-festi fir-Reġjun tat-Tramuntana.
Mistiedna jindirizzaw il-konferenza hemm l-istatistiku Dott. Vincent Marmara, Profs. George Cassar espert fil-qasam turistiku u kulturali, il-President tar-Reġjun Tramuntana s-Sur Clifford Galea Vella u l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr. Noel Camilleri, fost oħrajn.
Din il-Konferenza qed tkun organizzata mis-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar, bl-appoġġ tar-Reġjun Tramuntana u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Proġett ko-finanzjat mill-fond 𝘝𝘖𝘗𝘚.
Kull min hu interessat jattendi huwa mitlub jibgħat email fuq [email protected]
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com