”Il-Gvern Laburista Qata’ Qalbu Li Jsolvi L-Problema Tad-Dewmien Fil-Qrati Ta’ Pajjiżna” – Il-Partit Nazzjonalista
Il-Gvern Laburista qata’ qalbu li jsolvi l-problema tad-dewmien fil-Qrati li hija l-ikbar problema fil-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna – Dan qalu il-kelliem tal-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina. Din is-sitwazzjoni jeħtieġ li tiġi ndirizzata billi fost oħrajn jiżdied in-numru ta’ impjegati mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati nkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati. L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha ttejjeb il-pagi ta’ dawk li diġà huma impjegati magħha u tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.
Fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena forensi, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li sistema ta’ ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hija piż inġust fuq il-familji u n-negozji u ddgħajjef il-kompettività ta’ pajjiżna. Meta l-Gvern ma jinvestix fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna jkun qed jagħżel li ma jirrispettax is-saltna tad-dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom. Illum-il ġurnata għandna eluf ta’ persuni u negozji li minflok ġustizzja qed issir inġustizzja magħhom minħabba d-dewmien eżaġerat biex jinstemgħu u jiġu deċiżi kawżi li huma nvoluti fihom.
Fil-qasam ċivili, sal-aħħar ta’ Lulju 2022 kien hemm kważi mat-800 appell ċivili li għadhom mhumiex appuntati, jiġifieri appelli li dwarhom il-partijiet għad m’għandhomx data meta ser issir l-ewwel seduta quddiem il-Qorti. Din hi sitwazzjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata billi fost oħrajn it-tliet sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell jibdew jaħdmu b’mod sħiħ u għalhekk ikunu jistgħu jisimgħu aktar kawżi li jiġu quddiemhom. Biex dan iseħħ jeħtieġ li l-Gvern jinvesti aktar fir-riżorsi umani assenajti mal-ġudikanti.
Fil-kamp kriminali, sal-aħħar ta’ Ġunju 2022 kien hemm kważi 1,500 inkjesta maġisterjali li kienet għadha pendenti. Uħud mill-Maġistrati huma mgħobbija b’aktar minn 160 inkjesta flimkien mal-bqija tal-kawżi u proċeduri oħra li huma diġà assenjati lilhom. Din is-sitwazzjoni qed twassal għal pressjoni kbira fuq il-Maġistrati.
Il-Gvern ilu snin jinjora l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jitwaqqaf l-uffiċċju tal-ġudikatura Inkwirenti kompost minn numru ta’ Maġistrati li jispeċjalizzaw fl-inkjesti biss. Din il-proposta ssemmiet ukoll mill-Prim Imħallef waqt id-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena forensi f’Ottubru 2021. Minkejja dan il-Gvern għadu s’issa ma ħa l-ebda azzjoni biex din il-proposta tidħol fis-seħħ.
Is-sitwazzjoni gravi li jinsabu fiha l-Qrati ta’ pajjiżna qed twassal ukoll biex avukati u professjonisti oħra li ilhom s-snin jippratikkaw quddiem il-Qrati, jagħżlu li jabbandunaw l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom quddiem il-Qrati u jfittxu impjieg alternattiv. Dan huwa fenomenu li jeħtieġ li jiġi ndirizzat minnufih u mhux jitħalla jiggrava. Għalhekk il-Partit Nazzjonalist jtenni l-proposta tiegħu li l-Parlament jgħaddi liġi li tirregola u tirrikonoxxi l-professjoni legali wara konsultazzjoni sħiħa mal-Kamra tal-Avukati u l-Kamra tal-Prokuraturi Legali.