Il-PN Jgħid Li L-Gvern Se Jkun Qed Jaġġorna L-Mod Kif Jaħdem Il-Parlament Wara Pressjoni Minnu
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li wara nsistenza mill-Oppożizzjoni sa mill-bidu tal-ftuħ ta’ din il-legiżlatura f’Mejju li għadda, llum il-gvern ħabbar li kien se jibda proċess biex jiġu aġġornati l-istanding orders fil-parlament. Dan qaluh f’konferenza tal-aħbarijiet id-deputati Robert Cutajar, Whip tal-Oppożizzjoni u Paula Mifsud Bonnici, l-assitent Whip.
Robert Cutajar fakkar li f’Mejju li għadda l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ proposti quddiem il-Kumitat għax-xogħol tal-Kamra li l-Gvern għażel li ma’ jiddiskutijx. Il-Gvern, permezz tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dakinhar talab li dawn il-proposti għandhom jintbagħtu lilu bil-miktub. Minkejja li dawn il-proposti waslu ukoll bil-miktub xhur ilu , sallum l-Oppożizzjoni għadha qatt ma’ rċeviet risposta dwarhom.
Il-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni tistenna bi dritt li għandha tiġi kkonsultatha f’dan il-proċess li l-Gvern qed jgħid li ser ikun qed jagħmel. It-ton li biha llum inkitbet l-istqarrija tal-gvern dwar dan is-suġġett ma’ tantx tawgura tajjeb. Dan peress li l-Gvern qed jagħti l-impressjoni li dan il-proċess se jkun biss wieħed intern fi ħdan il-grupp parlamentari Laburista. Il-gvern irid jifhem li l-ħidma parlamentari f’pajjiż demokratiku tithaddem bejn gvern u oppożizzjoni.
Paula Mifsud Bonnici, Assistent Whip tal-Grupp Parlamentari, fakkret x’kienu wħud mill-proposti li ressqet l-oppożizzjoni sa minn Mejju li għadda u saħqet li jekk il-gvern irid jittieħed bis-serjetá fil-proċess li tkellem dwaru llum allura wieħed jistenna li dawn jidħlu fis-seħħ:
- Il-Parlament Malti għandu jiddedika sessjoni ta’ Domandi Parlamentari indirizzati lejn il-Prim Ministru u mwieġba mill-Prim Ministru. Din għandha ssir darba fil-ġimgħa.
- Il-ġurnata/seduta li tkun riżervata sabiex tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni m’għandhiex tibqa’ ssir biss darba (li tkun fil-jum tal-Ħamis) kull bejn tlieta u sitt xhur iżda għandha tibda ssir darba kull ġimagħtejn b’alternanza mal-Gvern.
- Għandu jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ġustizzja. Dan il-Kumitat għandu jitwaqqaf immedjatament u jkun immexxi minn ċermen innominat mill-Oppożizzjoni u jkollu l-maġġoranza ta’ rappreżenanti min-naħa tal-Gvern.
- L-Oppożizzjoni għandha tingħata assistenza xierqa sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma Parlamentari tagħha bl-aħjar u l-aqwa mod possibbli. Il-Gvern għandu mill-aktar fis possibbli jagħti sapport lill-membri tal-Oppożizzjoni, u anke lill-back benchers (li ma jokkupaw l-ebda kariga eżekuttiva f’entitajiet tal-Gvern), sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma Parlamentari tagħhom billi jingħataw riżorsi kemm umani u anke fiżiċi.
- Jitwaqqaf Kumitat, bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, sabiex jiġu aġġornati l-istanding orders attwali.
- Jibda jingħata servizz ta’ child care fil-viċinanzi tal-bini tal-Parlament. Dan għandhom jibbenefikaw minnu mhux biss il-membri Parlamentari iżda wkoll il-ħaddiema tal-Parlament kif ukoll il-membri tal-korp tal-pulizija li jkunu stazzjonati fil-bini tal-Parlament.
- Ir-rapporti mressqa mill-Ombudsman, minn żmien għal żmien quddiem il-Parlament, għandhom jiġu diskussi fil-plenarja f’terminu ta’ żmien maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
Il-kelliema temmew billi saħqu li l-Oppożizzjoni disposta li tippartecipa f’dan il-process b’obbligu u dmir lejn l-oghla istituzzjoni fil-pajjiż.