Il-Valletta Design Cluster Jospita Workshop Dwar Il-Mobbiltà Sostenibbli

 Il-Valletta Design Cluster Jospita Workshop Dwar Il-Mobbiltà Sostenibbli

Il-Valletta Design Cluster se tospita workshop mingħajr ħlas f’isem il-EIT Urban Mobility RIS Hub, bit-tema ‘Sharing a Green Travel Plan Culture’. Il-workshop se jsir nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru 2022 bejn is-13:00 u l-16:30.

Skont it-tema, dan il-workshop se jgħaddi informazzjoni u l-appoġġ meħtieġ lil entitajiet pubbliċi u privati li lesti jimxu lejn operazzjonijiet tal-mobbiltà li huma aktar sostenibbli. L-entitajiet li se jipparteċipaw se jiddiskutu temi varji dwar is-suġġett, bħal-loġistika, il-ħarsien tal-impjegati tagħhom u l-kollaborazzjoni li hemm bżonn mal-imsieħba fis-settur biex ikun hemm sistemi tajbin ta’ mobbiltà kollettiva.

Il-workshop se jinkludi diskussjoni roundtable dwar il-mobbiltà sostenibbli u l-implimentazzjoni ta’ green travel plan, fejn esperti fil-mobbiltà, rappreżentanti minn awtoritajiet lokali u koordinaturi tal-Green Travel Plan se jaqsmu ħsibijiethom. Isegwi hemm workshop li se jgħaddi informazzjoni prattika lill-parteċipanti dwar kif jistgħu jimplimentaw il-Green Travel Plan.

L-EIT Urban Mobility Malta RIS Hub hu mmexxi mill-EIT Urban Mobility, inizjattiva tal-Istitut għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Ewropa (EIT), entità tal-Unjoni Ewropea. L-EIT twaqqaf bħala parti mill-Iskema Reġjonali Innovattiva (RIS), li twassal l-informazzjoni  fil-komunitajiet. Il-hub ta’ Malta qed jitmexxa mill-Fondazzjoni Project Aegle, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST),  u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta permezz tal-Valletta Design Cluster.

Dan l-avveniment jirrifletti wkoll l-isforzi tal-pajjiż bil-għan li jitjiebu s-servizzi u l-infrastruttura tal-mobbiltà tal-persuni.

Min hu interessat jista’ jniżżel il-programm tal-workshop u jirreġistra biex jattendi billi jissieħeb bħala membru tal-Valletta Design Cluster hawnhekk https://vcavdcmembership.eu/#registration
Ladarba tkun sottomessa l-formola tar-reġistrazzjoni inizjali, il-membri l-ġodda jirċievu dettalji dwar kif jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma diġtali tal-membri tal-Valletta Design Cluster u anke l-applikazzjoni tal-workshop.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Valletta Design Cluster u avvenimenti oħra żur vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com