Imniedi L-Ewwel Osservatorju Malti Għat-Turiżmu

 Imniedi L-Ewwel Osservatorju Malti Għat-Turiżmu

Tnieda l-ewwel Osservatorju Malti għat-Turiżmu li ser iħares l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Maltija għat-Turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin. Dan il-bord ser ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mill-Ministeru għat-Turiżmu li b’mod sinerġetiku ser ikunu responsabbli wkoll għall-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li jittrattaw l-iżvilupp turistiku fil-Gżejjer Maltin.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Leslie Vella u membri tal-istess bord.

Dan l-osservatorju ser jimxi id f’id mal-ħidma u mal-prattiċi ta’ osservatorji tat-turiżmu oħrajn stabbiliti madwar id-dinja, sabiex Malta titpoġġa fuq quddiem f’dak li huwa turiżmu sostenibbli fuq skala Mediterranja, Ewropea u globali, tant li ser ikun qed iħares li jistabbilixxi rabtiet ma’ partijiet simili fuq livell internazzjonali, fosthom l-organi ewlieni tal-Ġnus Magħquda, l-International Network of Sustainable Tourism Observatories.

Dan l-organu ser ikollu l-fakultà wkoll li jitkellem u jiftaħ lilu nnifsu għal opinjonijiet, proposti u inċentivi permezz ta’ advisory groups li jinkludu entitajiet tal-gvern, għaqdiet mhux governattivi u s-settur privat. It-temi għal dawn l-advisory groups ser jinkudu l-akkomodazzjoni, il-gastronomija, l-ambjent, is-sostenibbiltà, il-konnettività bl-ajru u bil-baħar, Għawdex u Kemmuna, l-edukazzjoni u taħriġ, l-esperjenza tal-viżitaturi u t-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li f’dinja ta’ suq turistiku li dejjem qed isir iżjed kompetittiv jeħtieġ li bħala pajjiż naġġornaw l-ottika tagħna lejn dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Dan l-osservatorju huwa garanzija tal-impenn tal-gvern lejn l-industrija turistika u permezz tal-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu naraw it-turiżmu jkompli jirkupra, jissaħħaħ u jsir sostenibbli għaż-żmien li ġej,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com