”Jiġu Turisti Apposta Biex Jaraw Il-Faċċata Tad-Dar” – Sid Ta’ Dar Fil-Birgu
Ħafna huma dawk li nhar is-Sibt li għadda żaru l-Birgu għal-lejla unika tal-‘Birgu By Candle Light‘. Id-dawl tax-xemgħa kien attrazzjoni għal bosta, iżda żgur li din il-faċċata ta’ dar privata ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta tant li kienu bosta r-ritratti tagħha mxerda fuq il-mezzi soċjali.
Stradarjali.com għamel kuntatt mas-sid ta’ din id-dar, is-Sur Brian Cauchi li ta’ Vittoriosan li hu jipparteċipa bi ħġaru għal din l-attivita’ assoċjata mal-Belt fejn joqgħod, il-Birgu.
Is-Sur Cauchi qalilna li din mhux l-ewwel darba li żejjen il-faċċata tiegħu b’dan il-mod. Stqarr li wara n-nuqqas ta’ din l-attivita’ minħabba l-pandemija, din is-sena il-faċċata ġibdet l-għajn ta’ bosta. L-idea li jibda jżejjen u jipparteċipa waqt il-Birgu by Candle Light tmur lura xi għaxar snin. Huwa jgħidilna li dak iż-żmien beda jżejjen bi ftit, tant li l-ewwel sena li ddeċieda li jżejjen kien għamel dan b’sitt iflixken biss!
”Flimkien mal-familja tiegħi nibda narma dakinhar tal-attivita’ stess, iġifieri s-sibt mal-4pm. Ma tistax tarma qabel għaliex trid tlesti kollox eżatt qabel tibda l-attivita’. Fid-dar kulħadd jagħti sehmu, inkluż it-tfal. Nibdew nixgħelu x-xemgħat u nniżlu l-ħbula minn fuq il-bejt ftit ftit. Indumu qisu sagħtejn u nofs, narmaw” – qal Brian Cauchi
Is-Sid huwa konxju li l-faċċata tiegħu tiġbed lejha ħafna Maltin u Għawdxin u fuq kollox turisti. Qalilna li huwa propju għalhekk li issa kull sena sar jarmaha, għax iħoss li huwa dover tiegħu li turisti jiġu jaraw il-faċċata tieghu, tant li sena wara oħra għandu gwida partikolari li ġġib grupp ta’ turisti apposta biex jaraw id-dar tiegħu mżejjna għall-okkażżjoni.