Jirritorna ŻiguŻajg, Il-Festival Tal-Arti Għat-Tfal U Ż-Żgħażagħ 2022

 Jirritorna ŻiguŻajg, Il-Festival Tal-Arti Għat-Tfal U Ż-Żgħażagħ 2022

Minister for the National Heritage, the Arts and Local Government Owen Bonnici launches the ŻiguŻajg Arts Festival for Culture and Young People 2022 Space B, Spazju Kreattiv, St James Cavalier, Valletta

Mit-18 sas-27 ta’ Novembru se jirritorna ŻiguŻajg – il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2022, li joffri programm imżewwaq bl-arti, biż-żfin u b’teatru lest biex jitgawda mill-familja kollha. Għall-ewwel darba f’sentejn, il-festival qed jikkollabora mhux biss ma’ artisti u ma’ persuni kreattivi lokali, iżda wkoll ma’ dawk internazzjonali. B’hekk, il-festival fassal programm hybrid b’numru ta’ avvenimenti.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza li għandu festival bħal dan biex jagħti l-opportunità lit-tfal u liż-żgħażagħ ileħħnu u jesprimu ħsibijiethom. Qal li dan il-festival se jgħallimhom kif jikkomunikaw b’bosta mezzi speċjali, permezz tal-arti taż-żfin, tad-drama, u tal-mużika.

“Biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiżviluppaw, jikkreaw, jaħsbu u jilagħbu, għandhom bżonn l-immaġinazzjoni. It-teatru huwa l-aqwa pjattaforma biex jagħmlu proprju dan, u biex jiskopru l-potenzjal mingħajr limitu tal-immaġinazzjoni u tal-ħiliet tagħhom,” qal Dr Bonnici.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li l-festival serva kemm bħala sors kbir ta’ divertiment, u iktar importanti, bħala sors ta’ tagħlim għal udjenzi ta’ diversi etajiet. Huwa żied li, “Kien għalhekk li l-programm ta’ skejjel diġitali tmexxa iktar ’il quddiem, minħabba li wera li huwa dejjem iktar konvenjenti għal numru ta’ skejjel u ta’ studenti biex jingħaqdu u jipparteċipaw fid-divertiment mingħajr ma jkollhom iħallsu spejjeż żejda. B’hekk, iżjed tfal qed ikomplu jinvolvu ruħhom fl-arti u jibbenefikaw minnha matul il-ħajja ta’ kuljum tagħhom.

Id-Direttur tal-festival Marta Vella qalet li l-programm ta’ din is-sena huwa mibni madwar dak li ŻiguŻajg huwa magħruf għalih: l-eċċellenza artistika, l-immaġinazzjoni u l-kreattività. Hija sostniet li, “Minn żewġ musicals oriġinali għal kitbiet ġodda bil-Malti, il-festival ta’ din is-sena għandu jkun wieħed ta’ suċċess. Barra minn hekk, fil-ħidma kontinwa għat-titjib ta’ dan il-festival, għall-ewwel darba ŻiguŻajg qed jieħu ħsieb l-ispettakli tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jittella’ fl-MFCC, Ta’ Qali, mit-23 sas-27 ta’ Novembru.”

Għal iktar informazzjoni jew biex tibbukkja l-biljetti żur is-sit www.ziguzajg.org.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com