Jo Etienne Abela U Chris Bonett Jwieġbu Għall-Allegazzjonijiet Li Ma Ddikjarawx L-Assi

 Jo Etienne Abela U Chris Bonett Jwieġbu Għall-Allegazzjonijiet Li Ma Ddikjarawx L-Assi
Fuq il-midja soċjali tagħhom, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Chris Bonett wieġbu għall-allegazzjonijiet tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Karol Aquilina u Mark Anthony Sammut fejn fost oħrajn, tal-ewwel, staqsa lill-pubbliku fuq facebook jekk temminx lil Jo Etienne li “ma kellu l-ebda dħul, lanqas ċenteżmu wieħed, ma kellu l-ebda proprjetà, ma kellu l-ebda dejn, ma kellu l-ebda investimenti; u ma kellu l-ebda kariga.”
Għal dan, Abela wieġeb fuq facebook li jidher li diversi persuni fi ħdan il-PN mhumiex midħla ta’ Manwal tal-Kabinett li minnu joħroġ il-Kodiċi tal-Etika. Qali li “Fis-sezzjoni 6.1 jingħad b’mod ċar li m’hemm l-ebda obbligu li Ministru ġdid jagħti rendikont finanzjarju tal-perjodu qabel jiġi elett fil-Parlament. Vera li xebgħu fl-Oppożizzjoni u fadlilhom daqsxejn biex jużaw dan il-Manwal!”
Kompla jgħid: “Il-bilanċ tiegħi mad-Dipartiment tat-taxxa huwa zero.”
Hawnhekk aċċenna għal min jikri fejn sostna li: “Jidher ukoll li għall-PN, li tgħix fil-kera huwa xi tip ta’ diżunur. Jiena nemmen li kulħadd jgħix kif jagħżel. Jien kuntent b’li għandi. La qatt kont kiesaħ u fastidju lil ħadd qatt ma tajt. Min iħoss li għandu jiżżufjetta bija għax nikri, bħal ħafna oħrajn, jagħmel hu.”

Min-naħa l-oħra, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li hu jgħix f’ appartament bil-kera minħabba ċirkostanzi li s’issa ma ppermettewlux li jixtri dar għalih u familtu u għalhekk mhux sid ta’ proprjeta’ mmobbli.

“Eżatt kif iddikjarajt. Jiġifieri la jien ‘homeless’ u wisq anqas applikajt għall-akkomodazzjoni soċjali.
Huwa diżgustanti u tal-mistħija l-atteġġjament tal-PN li għal darb’oħra wera li jippreferi jagħmel attakki personali fuq min bħali, li ġej minn familja tal-ħaddiema, li qatt ma ngħatajt rigali f’ħajti, ħlief bix-xogħol li dejjem stinkajt flimkien ma’ marti għalih, milli jindirizza dak li verament ġejna eletti għalih. Li ngħinu lil min huwa verament fil-bżonn.”, sostna Bonett.
Aċċenna wkoll li huwa għalhekk li b’mod ripetut li l-poplu għażel lill-Partit Laburista u ta tkaxkira wara l-oħra lill-PN. “U jidher li dawn għadhom ma tgħallmu xejn!”

 

Iż-żewġ Deputati spiċċaw billi t-tnejn semmew il-pożittività ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela u saħqu li jinsabu determinati li jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com