L-ARMS B’sistema Ġdida Biex Toħroġ Il-Kontijiet Tad-Dawl u L-Ilma. Il-PN Jirreaġixxi..
Il-Gvern ħabbar li mit-Tnejn 10 ta’ Ottubru, l-ARMS se tkun tista’ tibda toħroġ kontijiet tad-dawl u l-ilma li jirċievu l-familji b’sistema aġġustata u retroattiva minn Jannar li għadda. Dan skont tibdiliet li se jidħlu fis-seħħ permezz ta’ avviż legali, b’rabta ma’ regolamenti dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-7 ta’ Ottubru.
Dan iffisser li Gvern Laburista se jkun qed iwettaq wegħda oħra tal-Budget li għadda, dik li jneħħi l-anomalija li kien hemm fil-liġi li daħħal il-Partit Nazzjonalista fl-2009 u li setgħet twassal sabiex xi klijenti ma jużawx il-units tat-tariffi b’rati differenti allokati għalihom.
F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministru għall-Ambjent l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat li l-ewwel kontijiet li se jirċievu l-familji fix-xhur li ġejjin se jinkludu aġġustament li jagħmel tajjeb għal units li setgħu tilfu minn Jannar li għadda sad-data tal-kont. Dan filwaqt li l-kontijiet li se jirċievu wara ser jibda jkollhom aġġustament għax-xhur ta’ qabel, permezz ta’ sistema kontinwa minn kont għal ieħor. Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li, li kieku l-Gvern ħa l-parir tal-Partit Nazzjonalista u daħħal sistema ta’ aġġustament li jingħata biss fl-aħħar tas-sena, familja minn kull ħamsa f’Malta, jiġifieri 21%, kienu se jispiċċaw jitilfu l-eko riduzzjoni li jgawdu minnha llum, u jkollhom kontijiet saħansitra ogħla.
Kien b’hekk li l-Gvern għażel sistema li se tagħmel aġġustamenti f’kull kont sabiex il-klijenti ma jitilfux l-eko riduzzjoni u jkollhom stampa ċara tal-konsum tagħhom kull xahrejn. B’din is-sistema jiġi evitat ukoll il-fatt li l-familji jkollhom jistennew sal-aħħar tas-sena biex jippjanaw aħjar l-użu tal-elettriku u l-ilma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Silvio Scerri spjega li l-aġġustament se jkun imniżżel fil-kont bħala valur għalih li jitnaqqas awtomatikament mill-ammont dovut għall-konsum tal-elettriku u tal-ilma separatament, biex jagħmel tajjeb għal units li ma jkunux intużaw fix-xhur ta’ qabel.
Dan l-aġġustament se japplika kemm għal dawk li għandhom servizz b’rati residenzjali, kif ukoll għar-rati domestiċi. Minn kalkoli li saru, huwa stmat li għal madwar 81 fil-mija tal-familji f’Malta u Għawdex, dan l-aġġustament se jammonta għal bejn €0 u €8 Ewro fis-sena.
L-aġġustament ikun baxx ħafna għal dawk il-klijenti li jkollhom konsum kostanti minn xahar għal xahar matul is-sena, filwaqt li jvarja għal dawk li jkollhom perjodi tas-sena b’konsum ferm ogħla jew aktar baxx mill-kumplament tas-sena.
Il-Partit Nazzjonalista Jirreaġixxi
Intant il-Partit Nazzjonalista qal li llum il-Ministru Miriam Dalli ikkonfermat żewġ affarijiet: dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, u ċioe li s-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma qiegħda tisraq lin-nies u hemm bżonn titranġa, u li n-nies mhux se jitħallsu lura ta’ dak li nsterqu fl-aħħar 8 snin.
Kif ikkonfermat il-Qorti f’Lulju li għadda, is-sistema li bdiet tintuża fl-2014 hija kontra l-liġi u tmur kontra l-avviż legali, il-liġi sussidjarja u d-direttivi Ewropej, proprju bil-kontra ta’ dak li qed tipprova tagħti x’tifhem il-Ministru. Tant hu hekk li l-Ministru ħabbret li s-sistema ġdida u korretta se tibda titħaddem qabel ma’ biss il-Ministru ppubblikat emendi għall-avviż legali fil-Parlament. U anke li kieku nemmnu lill-Ministru li din l-“anomalija” ma kienux indunaw biha lura fl-2014, żgur li kienu indunaw biha fl-2018 meta l-Partit Nazzjonalista żvela x’kien qed jiġri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stess, fuq l-istazzjon nazzjonali, ammetta li n-nies qed iħallsu żżejjed. Minkejja dan, il-Gvern Laburista baqa’ jirrifjuta li jikkoreġi din is-sistema għal erba’ snin sħaħ, u issa kkonferma li mhux se jagħti lura lin-nies dak li nsterqu fis-snin li għaddew.
Għalhekk l-unika għażla li baqagħlhom in-nies biex jieħdu lura dak li ħallsu żejjed fis-snin passati huwa li jingħaqdu fil-kawża kollettiva li nieda l-Partit Nazzjonalista, billi jirreġistraw id-dettalji tagħhom fuq kontijiet.com. Din hi l-unika triq li baqagħlu l-konsumatur biex issir ġustizzja miegħu, sostna l-Partit Nazzjonalista