“L-Esperjenza U L-Għarfien Tal-Anzjani Huma Ta’ Valur Imprezzabbli” – Il-President Ta’ Malta
L-anzjanità għandna narawha b’lenti pożittiva. Stqarr dan il-President George Vella waqt is-serata ‘Premju Anzjanità Attiva’ li fissirha bħala okkażjoni li matulha niċċelebraw il-kwalitajiet u s-sehem siewi tal-anzjani fis-soċjetà.
Din is-sena, bħala tema għall-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, in-Nazzjonijiet Magħquda għażlet ‘Ir-reżiljenza tal-anzjani f’dinja li qiegħda dejjem tinbidel’, b’enfasi partikolari fuq il-kontribut tan-nisa anzjani kif ukoll l-anzjani bħala kontributuri attivi dwar it-tibdil fil-klima. Il-President spjega kif l-attiviżmu mill-anzjani fil-qasam akkademiku, sportiv, kulturali u interġenerazzjonali juri biċ-ċar l-importanza li l-anzjani jibqgħu membri attivi fis-soċjetà.
“Dan jagħmel ġid lill-persuna anzjana billi tħossha parti mill-komunità tagħha. Fl-istess ħin bl-attiviżmu tagħha, tkun qed tagħti kontribut dirett fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż u anke fil-ħarsien tal-ambjent”, żied jgħid il-President.
Matul id-diskors tiegħu, il-President fisser kif anzjan attiv u indipendenti jissarraf f’kuntentizza li tgħin mhux ftit fis-saħħa kemm fiżika kif ukoll dik mentali tal-individwu. Stqarr li kemm l-esperjenza kif ukoll l-għarfien tal-anzjani huma ta’ valur imprezzabbli. Qal li dan jgħodd ukoll għal dawk l-anzjani li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, bit-tagħlim li jistgħu jipprovdu lill-impjegati iżgħar minnhom huwa wiesa’. Il-President appella biex l-għarfien ta’ dawk akbar fl-età ma jintilifx u ma jitwarrabx.
Filwaqt li rrikonoxxa li kulma jmur, il-popolazzjoni ta’ pajjiżi żviluppati qiegħda dejjem tikber aktar fl-età, tenna l-importanza li jkollna pajjiż fejn il-pensjonijiet u l-qasam tas-saħħa u l-kura fil-komunità jitqiesu essenzjali sabiex kull anzjan jingħata d-dritt ta’ kwalità ta’ ħajja xierqa u dinjituża.
Huwa feraħ lis-Sinjura Betty Berry, rebbieħa tal-Premju Anzjanità Attiva, li stqarr li ġiet deskritta bħala waħda mill-iżjed voluntiera attivi li hemm ġewwa l-gżira Għawdxija, fejn għandu x’jaqsam salvataġġ u riabilitazzjoni ta’ annimali li jgħixu fis-salvaġġ. Dan filwaqt li meta faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, Betty ħadet ukoll ħsieb żewġ familji għal sitt ġimgħat sħaħ sakemm sabitilhom kenn f’Għawdex.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li l-attività organizzata fil-Jum Dinji tal-Anzjani hija maħsuba li tiċċelebra lill-anzjani li bid-dedikazzjoni, l-impenn u x-xogħol tagħhom qed jgħinu anzjani oħrajn jibqgħu attivi.
Ir-rebbieħa huma:
Premju Anzjanità Attiva – Is-Sinjura Betty Berry
Premju Anzjanità Sportiva – Is-Sur James Evans
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali – Is-Sur Henri Diacono
Premju Anzjanità Akkademika – Profs Victor Mallia Milanes
Premju Anzjanità Kulturali – Is-Sur John Vella
Ritratti: OPR