Malta, Ċertezza U Stabbilità: Nefqa Soċjali Ta’ Kważi €2 Biljun Għas-Sena D-Dieħla

 Malta, Ċertezza U Stabbilità: Nefqa Soċjali Ta’ Kważi €2 Biljun Għas-Sena D-Dieħla

F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta, Ċertezza u Stabbiltà, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal, “Kburi li nifforma parti minn dan il-gvern, illi jifhem ir-realtajiet tan-nies, jindirizza u jwettaq il-bżonnijiet u x-xewqat tan-nies. Kommessi li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar u dan il-baġit huwa proprju prova ta’ dan kollu, sabiex naraw lil kulħadd jgħix livell ta’ ħajja xierqa. Speċjalment il-pensjonanti tagħna, li se jaraw €50 żieda f’kull pagament, kull 4 ġimgħat.”

Il-Ministru Michael Falzon qal illi l-pensjonanti kollha tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità, u dawk li jieħdu l-pensjoni non-kontributorja tal-età se jkunu qed igawdu miż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja ta’ €9.90 fil-ġimgħa.

Barra minn hekk se jirċievu żieda addizzjonali ta’ €2.60 oħra fil-ġimgħa, biex b’hekk b’kollox kull pensjonant se jiżdied €12.50 fil-ġimgħa fl-2023.

Dan ifisser investiment li jlaħħaq is-€70 miljun u li minnhom se jgawdu l-pensjonanti.

Il-Ministru Michael Falzon elenka sensiela ta’ miżuri oħra li se jkunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti kollha. Fost oħrajn huwa semma kif iż-żidiet fil-pensjonijiet mhux se jkunu ntaxxati hekk kif il-limitu tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-pensjoni se terġa’ togħla sabiex min jaqla’ sal-ekwivalenti tal-pensjoni massima jibqa’ ma jkunx intaxxat.

B’hekk dan l-ammont is-sena d-dieħla se jitla’ għal €14,968 waqt li dawk b’komputazzjoni ta’ miżżewġin ikomplu jgawdu minn eżenzjoni mit-taxxa fuq kull dħul ieħor sa €3,600 fis-sena.

Bonus għall-għoli tal-ħajja jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha

Il-Ministru Michael Falzon spjega li se jitkompla l-proċess li beda din is-sena, jiġifieri li b’mod gradwali, il-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008.

B’hekk fl-2023, 56,000 pensjonant se jgawdu minn żieda varjabbli sa massimu ta’ €1.50 fil-ġimgħa oħra, b’nefqa ta’ kważi €1.7 miljun.

Żieda addizzjonali lir-romol

Proċess simili li nbeda din is-sena se jissokta fl-2023 ukoll, li bih qed naġġustaw b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol biex sal-aħħar tal-leġislatura tkun ekwivalenti għall-pensjoni sħiħa tal-konjugi tagħhom li jkun ġie nieqes.

B’dan l-aġġustament huwa stmat li kważi 9,000 romol se jgawdu minn żidiet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li jistgħu jlaħħqu sa €3.54 oħra fil-ġimgħa, b’nefqa ta’ madwar €1.6 miljun.

Żieda fil-pensjoni tas-servizz

Bħalma jsir kull sena, se tiżdied għal darboħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali.  B’hekk matul l-2023 is-somma eżentata għal dan l-iskop se titla’ għal €3,266.

Il-pensjonanti tas-servizz li għandhom aktar minn 72 sena jew aktar se jkomplu jgawdu mit-titjib li daħħalna fl-aħħar sentejn li jikkonċerna l-parti tal-pensjoni tas-servizz li jkunu kkomputaw biex jieħdu s-somma, li issa qed tkun eżentata kollha.

Żieda lill-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja

Il-Ministru Michael Falzon spjega li madwar 15,000 anzjan u anzjan li ma jikkwalifikawx għal pensjoni se jirċievu €50 iżjed fil-bonus ta’ kull sena. Ħafna minn dawk li se jgawdu huma nisa. Fil-fatt, fl-2023, il-bonus għal dawk li ħallsu anqas minn ħames snin kontribuzzjonijiet se jitla’ għal €450 fis-sena waqt li għall-persuni li ħallsu aktar minn ħames snin imma anqas minn għaxar snin bolol, il-bonus se jitla’ għal €550 fis-sena.

Ġustizzja dwar anomaliji tal-passat

Se jitkompla wkoll il-proċess li bih qed jiġu indirizzati numru ta’ anomaliji tal-passat. Sa issa ngħalqu l-każi tas-sahra tal-pulizija li ma kinitx tħallset mill-gvern preċedenti u l-każ tal-Malta Electricity Board.  Din is-sena wkoll se jingħalqu l-ħlasijiet dovuti lill-eks ħaddiema tax-Xatt.

Il-Ministru Michael Falzon qal li s-sena d-dieħla se jkunu vvutati €8 miljun oħra sabiex jiġu indirizzati inġustizzji tal-imgħoddi bħal isiru l-pagamenti dovuti lill-eks ħaddiema tal-Korpi li wara kienu daħlu fis-servizz pubbliku, apprendisti u studenti ħaddiema.  B’dan il-pagament tas-sena d-dieħla, dawn se jkunu magħluqa wkoll.

Se jissoktaw ukoll pagamenti dovuti lill-eks ħaddiema tal-Korpi li wara daħlu mas-settur pubbliku, eks ħaddiema tal-Gas Board u eks apprendisti tal-MEB.

Dan apparti €2 miljun oħra vvutati biex jiġu indirizzati anomaliji tal-passat.

“Dan huwa Budget ieħor ta’ kontinwità li jpoġġi fuq quddiem nett ir-ruħ soċjali, li dejjem iddistingwew din l-amministrazzjoni. Aħna nemmnu fil-ħolqien tal-ġid, għalhekk qed nattiraw aktar investiment lejn pajjiżna, biex inkomplu ninvestu fiż-żgħir. Irridu noħolqu l-ġid sabiex kulħadd igawdi minnu, speċjalment dawk li l-aktar hemm bżonn inwiżnuhom,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com