Manutenzjoni Ta’ Waħda Mill-Isbaħ Statwi Ta’ Pietru Pawl Azzopardi

 Manutenzjoni Ta’ Waħda Mill-Isbaħ Statwi Ta’ Pietru Pawl Azzopardi

L-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss tal-Belt Valletta, li hija responsabbli mill-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù, jew kif inhi mgħarufa aħjar, Ta’ Ġieżu, għadha kemm għażlet lill-kumpanija Prevarti sabiex tieħu ħsieb il-manutenzjoni fuq l-istatwa ta’ Kristu marbut malKolonna, ta’ Pietru Pawl Azzopardi. Din hi meqjusa minn ħafna dilettanti bħala waħda mill-isbaħ statwi fil-gżejjer Maltin.

Għalkemm il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ din is-sena tħassret minħabba l-maltemp, però listatwa xorta waħda ma kienetx ser toħroġ proċessjonalment minħabba ħsarat fl-istruttura tagħha.

Meta ġiet biex tintrama l-istatwa, kif dejjem isir, fit-tieni ġimgħa tar-Randan, ġew innotati diversi qsim fil-parti tas-saqajn u l-bażi li magħħhom l-istess saqajn huma marbuta. Kien għalhekk li lArċikonfraternità mill-ewwel ħadet il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u talbet sabiex l-istatwa tiġi eżaminata. Mill-x rays li ttieħdu u osservazzjonijiet li saru rriżulta li l-istatwa mhix rakkomandabbli li tinħareġ proċessjonalment u dan allura wasal sabiex l-istatwa tittieħed għand Prevarti sabiex tissaħħaħ il-parti tas-saqajn tal-istatwa u r-rabta tagħha mal-bażi.

Jidher li trattament simili kien ġa sar ħafna żmien ilu, pero mir-riżultati tal-x rays huwa ċar li hemm bżonn ta’ intervent ieħor ħalli l-istatwa terġa tissaħħaħ u tkun tajba biex tinġarr proċesjonalment. Ilkumplament tal-istatwa hija f’kundizzjoni tajba u allura hija biss il-parti mill-pexxun l-isfel li fuqha ser isir l-intervent.

Għal dan il-għan l-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss ħarġet skema fejn il-fratelli, kif ukoll dawk dilettanti jistgħu jgħinu sabiex dan il-proġett jitħallas u nkunu nistgħu nibqgħu ingawdu din listatwa mill-isbaħ tal-Marbut fil-knisja u t-toroq tal-Belt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com