Mistenni Budget Ieħor Tajjeb – L-Ebda Taxxa Ġdida

 Mistenni Budget Ieħor Tajjeb – L-Ebda Taxxa Ġdida

“Dak li se nippreżentaw għada se jkun l-ewwel budget minn ħamsa li se nressqu tul din il-leġiżlatura, biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba. Biex hekk nimplimentaw il-manifest elettorali Malta Flimkien.  Hekk inwettqu dak li wegħdna. Manifest li bdejna nwettqu l-miżuri tiegħu sa mill-ewwel jiem wara li erġajtu tajtuna l-fiduċja. Issa bil-pjan għas-sena d-dieħla, b’dak li se nressqu għada, inkunu qegħdin nkomplu nimplimentaw.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fin-Naxxar ilbieraħ filgħodu, fejn spjega kif l-aħħar xhur kienu strumentali biex il-Gvern jippjana u jwettaq.

“Għaliex magħna tafu fejn qegħdin. Se nerġgħu nressqu budget mingħajr taxxi ġodda. Iva, quddiem l-isfidi aħna ma mmorrux għall-awsterità. Imma nagħżlu l-politika li tkun ta’ spalla għalikom. Għalhekk għada se nressqu budget ġust ma’ kulħadd, iżda li jrid jgħin lil min jiflaħ l-inqas. Fuq kollox budget iffokat fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji u li jkompli jsostni n-negozji. Se jerġa’ jkun budget kredibbli ta’ Gvern li  jwettaq dak li jwiegħed, parti minn pjan sostennibli maħsub għal medda ta’ snin.”

Il-Prim Ministru sostna li filwaqt li ħaddieħor iwiegħed kollox lil kulħadd mingħajr ħsieb, dan il-Gvern jippjana b’responsabbilta’ u jwiegħed biss dak li jista’ jitwettaq.

“Spiċċa ż-żmien ta’ qabel l-elfejn u tlettax li jitħabbar budget imbagħad naraw. Dak iż-żmien l-uniku ħaġa ċerta li kienet tidħol fis-seħħ, jekk jista’ jkun mill-għada, dejjem kienet tkun xi taxxa ġdida.”

Robert Abela semma wkoll kif fl-aħħar sena twettqu 324 miżura biex kompla jirriforma l-pajjiż u jitjiebu l-ħajjiet tan-nies.

“Żidna l-pensjonijiet, is-supplimentari u l-allowance tad-diżabbiltà.

Naqqasna t-taxxi fuq l-overtime u fuq il-part-time.

Estendejna l-equity sharing biex ngħinu iktar nies isiru sidien ta’ djarhom.

Lil dawk li jixtru f’UCA frankajnilhom iktar taxxa.

Bl-istess għan daħħalna skemi ġodda għall-first-time buyers li żewwiġnihom mal-prijoritajiet ġodda tagħna u għalhekk għamilnihom ikbar għal min jinvesti f’UCA jew proprjetajiet li ilhom battala.

Komplejna nindirizzaw inġustizzji tal-imgħoddi. Inġustizzji li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista għalqulkom il-bieb f’wiċċkom dwarhom u aħna, sena wara sena, bi pjan sostenibbli qed nindirizzawhom. Li kien għan-nazzjonalisti dawn nies li ma ħadu xejn. Għax hekk għamlu meta kienu fil-Gvern. Għax tajjeb ma ninsewhomx ċerti affarijiet.

Erġajna tajna ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u miegħu ċekk addizzjonali għall-għoli tal-ħajja.

Saħħaħna l-istipendji.

Żidna l-mediċini fuq il-formolarju tal-gvern.

Daħħalna t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.

Miżuri, ftit mill-ħafna li daħħalna, li fl-aħħar mill-aħħar kellhom għan wieħed.

Miljuni ta’ ewro li investejna biex ħallejna iktar flus fi bwiet il-familji Għawdxin u Maltin. Investejna fid-dinjità tal-familji tagħna.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif fil-laqgħat li kellhom il-Mexxejja Ewropej fl-aħħar jiem fi Brussell kienu kruċjali biex l-Ewropa ma tibqax ċassa quddiem il-pressjoni fis-settur tal-enerġija.

“Dak li emminna sa mill-bidu nett kien fid-direzzjoni t-tajba… Bil-mod il-mod, il-politika mħaddna fl-Ewropa qed tisvolġi lejn linja simili għal dik tagħna – id-deċiżjoni kontra l-awsterita’.”

Dan kollu qed jagħti ċertezza u serħan il-moħħ lill-poplu tagħna.

U jekk hawn min iddejqu din it-tip ta’ ċertezza u serenità u jrid jara x’jivvinta biex iħarbatha, jien nassigurah li se jibqa’ jsibna hawn sodi ffokati fuq il-prijoritajiet tal-poplu Malti u Għawdxi.

Għax fuq din l-istabbiltà se nibnu ġejjieni sabiħ.

Ġejjieni sabiħ għax teżisti l-fiduċja f’pajjiżna.

Għalhekk għada l-ewwel minn ħamsa.

Ħalli nkomplu fi triqitna flimkien.

Lejn Għawdex u Malta aħjar.”

Hekk temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com