Opportunità Għaż-Żgħażagħ Biex Jimirħu Fl-Ewropa

 Opportunità Għaż-Żgħażagħ Biex Jimirħu Fl-Ewropa

Tnediet sejħa oħra ta’ Discover EU, inizjattiva oħra tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti opportunità liż-żgħażagħ biex jiskopru u jimirħu fl-Ewropa.

DiscoverEU toffri opportunità liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, residenti f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, biex jesploraw esperjenzi kulturali fl-Ewropa u jiltaqgħu ma’ nies minn pajjiżi differenti.

Aktar minn 165,000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw din l-opportunità mill-2018 lil hawn.

Fl-2022, fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, b’kollox se jingħataw 70,000 biljett lil żgħażagħ rebbieħa minn madwar l-Ewropa kollha.

Dan spjegah is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett meta żar il-Junior College, istituzzjoni edukattiva li gawdiet minn €44,362 f’fondi tal-Erasmus+ biex jitwettaq skambju taż-żgħażagħ.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ħeġġeġ liż-żgħażagħ Maltin sabiex jipparteċipaw f’Discover EU li tagħmel parti mill-programm Erasmus+ u li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex jiskopru l-Ewropa permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim billi jivvjaġġaw prinċipalment bil-ferrovija.

“Din hija opportunità għaż-żgħażagħ sabiex tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tal-ħajja, jesperjenzaw kulturi oħra, jiksbu aktar indipendenza u kunfidenza li żgur se tgħinhom għall-futur tagħhom”, qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv tal-European Union Programmes Agency National Coordinator Erasmus+ & European Solidarity Corps Programmes Joseph Schembri qal li din is-sejħa ta’ DiscoverEU tingħaqad ukoll ma’ #ErasmusDays 2022, li din is-sena se tippromovi l-mobilità internazzjonali u ċ-ċittadinanza Ewropea.

Madwar id-dinja se jsiru eluf ta’ avvenimenti ċelebrazzjoni tal-Programm Erasmus+. Dawn l-avvenimenti huma opportunità sabiha biex wieħed jara kif il-proġetti tal-Erasmus+ fasslu u biddlu ħajjet in-nies.

L-applikazzjonijiet għal DiscoverEU jiftħu t-Tlieta 11 ta’ Ottubru 2022 f’12:00pm u jagħlqu t-Tlieta 25 ta’ Ottubru 2022 f’12:00pm.

Dawn jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-sit https://youth.europa.eu/discovereu_en

Iż-żgħażagħ iridu jipparteċipaw fi kwiżż online bil-għan li jirbħu travel pass.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com