Titħabbar Id-data Tal-Inkurunazzjoni Tar-Re Karlu III
L-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III se ssir is-Sibt 6 ta’ Mejju 2023 f’Westminster Abbey. Buckingham Palace qal li r-Reġina Konsorti, Camilla, se tkun ukoll inkurunata. Ir-Re Karlu III sar Re mal-mewt t’ommu madanakollu l-inkurunazzjoni hija ċelebrazzjoni simbolika tar-renju l-ġdid.
L-inkurunazzjoni tas-sena d-dieħla se tkun l-ewwel waħda fl-aħħar 70 sena. Ir-Reġina Eliżabetta II kienet inkurunata f’Ġunju, 1953. L-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III se tkun l-ewwel waħda li se ssir is-Sibt mill-inkurunazzjoni tar-Re Edward VII fl-1902.
Sa issa għadu mhux ċar jekk is-6 ta’ Mejju, 2023 hux se tkun vaganza għan-nies. L-inkurunazzjoni tar-Re Charles III se tkun l-74 waħda u se jkun l-ixjeħ monarku li se jiġi inkurunat. Is-6 ta’ Mejju jinzerta wkoll għeluq snin tan-neputi tar-Re Karlu, Archie, iben il-Prinċep Harry u Meghan.