Waslu Fl-Aħħar Stadju L-Istudji Fuq Il-Knisja L-Qadima Ta’ Birkirkara
Waslu fl-aħħar stadju l-istudji fuq il-knisja l-qadima ta’ Birkirkara li għandhom jiddeterminaw xi ħsarat strutturali hemm f’din il-knisja. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar il-ħaddiema li bħalissa għaddejjin bl-istudji u t-testijiet fuq dan il-monument nazzjonali tal-ewwel grad. Il-Kurja qiegħda tiffinanzja l-istudji u t-testijiet permezz ta’ Fondi ewropej. L-istudji u t-testijiet qegħdin isiru b’investiment ta’ €104,000, li minnhom €84,000 ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bl-għajnuna tal-fondi Ewropej il-Gvern qed jisma’ l-karba tan-nies ta’ Birkirkara li xtaqu li din il-knisja tiġi rranġata u ma taqax. Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li “mill-programmi l-ġodda ta’ fondi Ewropej se naraw li nkomplu naħdmu flimkien mal-Kurja bil-għan li jsiru aktar proġetti ta’ restawr biex nkomplu nibżgħu għall-patrimonju kulturali tagħna.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li b’riżultat ta’ dan l-istudju tekniku minn kumpanija Taljana qiegħed jitfassal mudell 3D tal-knisja l-qadima ta’ Birkirkara, biex jifhmu aħjar f’liema partijiet tagħha hemm bżonn isaħħu. Ir-rapport dettaljat tal-investigazzjonijiet li saru diġà għaddew għand l-esperti tekniċi, u sar ukoll skavar biex isir studju ġeotekniku u jittieħdu kampjuni tal-pedament tal-knisja. Is-Sur Pace Ross qal li permezz ta’ dan il-proġett se jiġi identifikat x’interventi huma meħtieġa li jsiru mill-Gvern Ċentrali u li għandu jinħareġ t-tielet u l-aħħar tender fuq dan il-proġett.
Il-Kappillan Dun Reuben Deguara qal li dawn l-istudji huma l-bażi ta’ restawr estensiv li jrid isir permezz ta’ operazzjoni kumplikata u delikata ħafna, peress li l-istruttura hija ta’ valur storiku u arkitettoniku kbir. Il-kappillan semma kif l-interventi jridu jsiru fi żmien raġonevoli għax jekk ikun hawn theżżiża s-saqaf jista’ jiġġarraf.
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija nbniet fl-1617 u għandha problemi strutturali kkawżati minn pedamenti msejsa fuq saffi ġeoloġiċi differenti li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is-snin. Matul is-snin, il-knisja esperjenzat movimenti strutturali li qed jipperikolaw il-vijabilità fit-tul tal-istruttura tal-knisja. Barra minn hekk, minkejja x-xogħlijiet ta’ restawr li saru madwar 20 sena ilu, diversi xquq huma viżibbli mill-ġdid fl-istruttura u hemm indikazzjonijiet qawwija li dawn qed jiżviluppaw aktar.
Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll il-Perit Adrian Mifsud li kien qiegħed jissorvelja x-xogħol tekniku f’isem il-Parroċċa.