Żjara Uffiċjali Mill-Ministru Ian Borg Fl-Emirati Għarab Magħquda
“Huwa essenzjali li nkomplu nkabbru u nkattru r-relazzjonijiet bilaterali tagħna ma’ pajjiż daqstant b’saħħtu u b’numru ta’ riżorsi sabiex il-kollaborazzjoni tagħna tkompli tmur għall-aħjar u timmaterjalizza f’aktar opportunitajiet għall-poplu u għan-negozji tagħna”, saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt żjara uffiċjali fl-Emirati Għarab Magħquda.
Fil-bidu ta’ din iż-żjara, il-ministru għall-affarijiet barranin Malti ltaqa’ mal-Ministru tal-Istat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda, Reem Al Hashemy.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi l-avvanzi li saru fl-aħħar snin fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u kif ninsabu kommessi li nkomplu ntejbu fuq dak li diġà jeżisti. Flimkien mal-Ministru Al Hashemy, Dr Borg tkellem dwar l-esperjenza tal-Emirati Għarab Magħquda matul din is-sena li ilhom iservu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Waqt din il-laqgħa, ġew diskussi l-ħsibijiet dwar l-importanza li l-kooperazzjoni diġà tajba ta’ bejnietna tkompli tissaħaħ waqt il-perjodu li ħa nkunu qed inservu flimkien fuq il-Kunsill tas-Sigurtà. Fid-dawl li din il-laqgħa nżammet fid-Dubai Expo City, il-Ministru Borg ħa l-opportunità li jifraħ lill-ministru għas-suċċess tal-UAE fl-organizzazzjoni tal-EXPO 2020, li Malta kienet ukoll parteċipi fiha.
Aktar tard, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Federazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ tal-Emirati Għarab Magħquda. “Ħadt gost niddiskuti magħhom kif irridu nkomplu nibnu fuq il-ftehim li diġà jeżisti mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta u kif nistgħu nkomplu nibnu u niffaċilitaw aktar it-tranżizzjoni għal negozji Maltin u Għawdxin biex jimirħu f’dawn is-swieq”, saħaq Dr Borg.
“Mal-President tal-Federazzjoni, is-Sur Abdullah Mohammed Al Mazrui, tkellimt fid-dettall dwar il-benefiċċji li joffri pajjiżna lil negozjanti barranin li jiġu jinvestu f’pajjiżna u kif pajjiżna bħalissa għandu waħda mill-aktar ekonomiji li qed tikber b’pass mgħaġġel” – Ikkonkluda l-Ministru Borg
Ritratti (MFET)