Approvazzjoni B’Maġġoranza Kbira Għar-Rapport Dwar Il-Funzjonament Tal-Kumitat Għall-Petizzjonijiet Innegozjat Mill-MPE Alex Agius Saliba
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet approva b’maġġoranza kbira r-rapport dwar id-deliberazzjonijiet u l-funzjonament imtejba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li dwaru l-MPE Agius Saliba, fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kien qed imexxi n-negozjati f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Skont id-data pprovduta fir-rapport annwali tal-2021, fit-tieni sena tal-pandemija, iċ-ċittadini poġġew fiduċja kbira fil-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti rispettivi tagħhom billi għażlu li jindirizzaw it-tħassib u l-ilmenti tagħhom direttament lill-Parlament Ewropew. “Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti li niftakru li l-esperjenza u t-trattament pożittiv jew negattiv li jirċievu l-petizzjonanti se jkomplu jsawru l-attitudni tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha”, qal il-MPE Agius Saliba.
“Enfasizzajt dwar il-ħtieġa li ntejbu r-relazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u ċ-ċittadini tagħna,fuq l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar id-Dritt tal-Petizzjoni lill-Parlament Ewropew, u kif ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita proċedura li tippermetti li dawn il-petizzjonijiet jiġu ndirizzati b’aktar effiċjenza”, ikkummenta l-MPE Agius Saliba.
Il-MPE Agius Saliba saħaq li meta jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jressqu petizzjoni, iċ-ċittadini tagħna jistennew li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jwieġbu fil-ħin u jipprovdu valur miżjud biex tinstab soluzzjoni reali għat-tħassib tagħhom. Kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni Ewropea x’aktarx li jirriżulta fi skuntentizza lejn l-Unjoni Ewropea.
“Sabiex tittejjeb il-ħidma tal-Kumitat PETI, meta jadotta l-aġenda tiegħu għal-laqgħat, is-seduti ta’ smigħ u l-missjonijiet, huwa għandu jsegwi l-linji gwida u l-kriterji oġġettivi tiegħu bħall-kontribut ta’ petizzjonijiet magħżula għad-dibattitu attwali tal-UE u l-kopertura ġeografika bbilanċjata tagħhom skont il-petizzjonijiet riċevuti. Nemmen li l-Kumitat PETI għandu responsabbiltà speċjali li jiddefendi din id-dimensjoni Ewropea fil-konfront tal-petizzjonanti u lejn id-dinja esterna, u li l-Membri kollha tiegħu fl-azzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet tagħhom għandhom dejjem ikunu ggwidati mir-responsabbiltà istituzzjonali Ewropea aktar milli mill-interessi politiċi nazzjonali”, iddikjara l-MEP Agius Saliba.
Huwa enfasizza li wieħed ma jistax jinsa li fi żmien fejn is-sodisfazzjon u l-fiduċja taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej dejjem qed jonqsu tant li qed iqajmu dubji dwar il-proġett Ewropew, il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet qiegħda ssir aktar importanti minn qatt qabel.
“Huwa għalhekk li jeħtieġ li nipprovdu trasparenza sħiħa u rispons f’waqtu lill-petizzjonanti, filwaqt li niżguraw il-kwalità tat-tweġiba, l-azzjonijiet tagħna u segwitu xieraq għall-ilmenti tal-petizzjonanti”, ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba.