Il-PN Jibqa’ Qrib Dawk Li Qed Jiffaċċjaw L-Isfidi Allarmanti Fil-Qasam Tal-Housing
Flimkien mal-Maltin u l-Għawdxin kollha, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jonfoq bil-għaqal il-flus mit-taxxi tal-poplu. Minflok, qed inkomplu nisimgħu b’aktar problemi li n-nies qed jiltaqgħu magħhom fil-qasam tal-Housing, fost oħrajn.
Dan intqal mill-Partit Nazzjonalista matul konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar, fejn il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo innota kif fil-Parlament, meta kienu diskussi l-estimi finanzjarji għal dan is-settur, il-Partit Nazzjonalista mhux biss staqsa lill-Gvern, iżda anke ressaq proposti u l-istejjer tal-Maltin u l-Għawdxin li qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi.
Il-kelliem spjega li l-kwistjoni hi allarmanti mhux biss għax għad fadal 1,300 persuna li għadhom qed ifittxu Housing Soċjali, iżda aktar minn hekk għax il-Gvern jidher li waqqaf għal kollox diversi proġetti ta’ Housing Soċjali li beda qabel l-elezzjoni ġenerali.
“Fil-fatt, minkejja l-wegħdiet u l-kliem sabiħ ta’ qabel l-elezzjoni, minn Marzu ’l hawn, in-nies li ffirmaw kuntratt mal-Gvern għadhom ma jafux meta se jkollhom saqaf fuq rashom. U dan meta, qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista qal li hawn aktar appartamenti soċjali milli nies fuq il-waiting list.
Il-Gvern qed jagħżel li lanqas biss iwieġeb il-mistoqsijiet li qed isirulu mill-Partit Nazzjonalista u minn NGOs li jgħinu lil min hu fil-bżonn. Barra minhekk, reġa’ daħħal is-sharing apartments, li huma biss il-verżjoni moderna tal-kerrejja, b’għadd ta’ persuni joqgħodu f’post wieħed.
Għaldaqstant, filwaqt li jixtieq li l-qasam soċjali jkun liberu u mingħajr indħil tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jressaq proposti biex ikunu indirizzati l-problemi ta’ tniġġis, iffullar u ħmieġ fil-blokok, kif ukoll problemi ambjentali, fost oħrajn.” Hekk temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.