Imniedi N-National Curriculum Framework Review Board
Is-sistema edukattiva Maltija qed tesperjenza trasformazzjoni fil-mod kif jitfassal il-proċess tat-tagħlim fil-livelli kollha, inkluż fil-livell primarju. Is-sistema bdiet tinbidel minn waħda bbażata fuq il-kontenut għal sistema bbażata fuq ir-riżultati, magħrufa bħala Learning Outcomes.
Id-dħul ta’ din is-sistema huwa frott ta’ impenn u diskussjonijiet li ilhom għaddejjin is-snin, mat-tliet setturi, Skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Skejjel Indipendenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers li fi grupp ta’ ħidma dwar il-kurrikulu qablu fuq il-proċess ta’ kif titkompla s-sistema tal-Learning Outcomes.
“Sistema edukattiva tajba, sħiħa, li tħares lejn l-individwu, għandha tassigura li mhux tipproduċi ħaddiema, imma tipproduċi nies aħjar, nies li għandhom il-ħiliet, li kollha kemm huma b’mod differenti minn xulxin għandhom il-potenzjal tagħhom. U dan huwa dak li qed nitkellmu dwaru llum”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
In-National Curriculum Framework (NCF) huwa s-sinsla tal-kurrikulu nazzjonali u li l-assessjar tiegħu allura jservi bħala kejl ta’ indikaturi nazzjonali ta’ fejn jinsabu l-istudenti f’tagħrif, ħiliet u kompetenzi, fis-snin bikrin, fis-snin tal-primarja, medja u sekondarja – waqt il-vjaġġ tagħhom ta’ tagħlim obbligatorju li jibda mill-Kinder 1 sal-11-il sena tas-sekondarja.
Il-Learning Outcomes għandhom għan wieħed: li t-tagħlim ma jibqax wieħed preskrittiv minn sillabi imma jibbaża fuq il-ħiliet kollha li student jista’ jottjeni. It-tagħrif ġdid u l-attitudni lejn it-tagħlim jissarrfu f’esperjenza unika għall-istudent skont x’kapaċi jitgħallem.
Għalhekk il-pedagoġija u l-assessjar se jitfasslu fuq esperjenza kontinwa ta’ tagħlim li hija progressiva għall-istudent, iktar milli ġirja sħiħa biex jassorbi l-kontenut tas-sillabi. L-esperjenza tal-Learning Outcomes, għalhekk iġġib magħha inqas assessjar summattiv, fejn l-istudent qabel kien ikun mitlub jimmemorizza u jikteb waqt eżami f’nofs is-sena kif ukoll fl-aħħar tas-sena u iktar assessjar kontinwu li jibni fuq assessjar ta’ proġetti, xogħol prattiku, orali, esperimenti tax-xjenza.
S’issa, l-Learning Outcomes, li huma parti mill-NCF, ġew introdotti: fis-snin bikrin tal-Kinder I u l-Kinder II; fit-tielet u r-raba’ sena tal-Primarja u din is-sena skolastika se jitkomplew fil-ħames sena tal-primarja; fis-seba’ u t-tmien sena tal-medja u mistennija jkomplu fid-disa’ sena tas-sekondarja fis-sena skolastika 2023/24, fl-għaxar sena fit-2024/25 u fil-ħdax-il sena fis-sena skolastika 2025/26.
Sadanittant, il-cohort ta’studenti li din is-sena skolastika huma fid-disa’ sena tas-sekondarja se jesperjenzaw il-learning outcomes permezz ta’ ‘school-based assessment’ ta’ 30% mifrux fuq l-għaxar u l-ħdax-il sena tagħhom bi 15% kull sena.
L-ischool-based assessment u eżami li jiswa 70% se jkunu eżaminati mill-MATSEC f’April tal-aħħar sena tal-iskola obbligatorja (fil-Year 11). Il-grupp ta’ studenti li fis-sena skolastika 2023/24 jkun fid-disa’ sena se jesperjenza l-Learning Outcomes permezz tal-ischool-based assessment fuq tliet snin, jiġifieri 10% kull sena sal-11-il sena tat-tagħlim. Fil-każ tas-set up tal-ischool-based assessment fis-snin tas-Sekondarja, (it-tip, meta se jsir u liema learning outcomes) dan se jkun iddeterminat mill-għalliema skont is-suġġetti rispettivi.
L-irwol tal-NCF review board huwa li jagħti direzzjoni strateġika, joħloq prijoritajiet strateġiċi għall-implimentazzjoni tal-NCF, joffri soluzzjonijiet għall-problemi li jkun hemm waqt l-implimentazzjoni u li jiżgura komunikazzjoni effettiva mal-partijiet interessati kollha.
Ritratt (MEYR)