Lanqas Kont Naf Li Qattus Bħal Dan Jeżisti F’Malta!

 Lanqas Kont Naf Li Qattus Bħal Dan Jeżisti F’Malta!

Għal darb’oħra reġa wasal weekend ieħor eċċezzjonali fejn se niltaqgħu mal-familja tal-qtates ġewwa l-MCAST! Ir-Royal Cat Society se torganizza show fejn ser ikun hemm 76 qattus ta’ razez differenti. F’din il-wirja wieħed mhux biss ikun jista’ jiltaqa’ ma’ diversi varjetajiet ta’ qtates iżda wieħed jista’ wkoll jitkellem mal-breeders ewlenin tal-qtates f’Malta.  Ser ikun hemm ukoll live talk minn esperta tal-imġieba tal-qtates, bl-isem ‘How to cat proof your Christmas’.  Li titkellem ma’ xi ħadd professjonali u anke ma’ xi ħadd esperjenzat fit-trobbija tal-qtates huwa ta’ benefiċċju speċjalment jekk qed taħseb li ġġib qattus bħala pet issa li ġejjin il-festi tal-Milied.  Ftakar illi t-trobbija tal-annimali tinvolvi dedikazzjoni kbira u tajjeb li tkun ippreparat biex tilqa’ l-membru l-ġdid tal-familja!

Din is-show hija l-ikbar waħda tax-xorta tagħha f’Malta, bl-akbar ammont ta’ qtates li deħlin f’kompetizzjoni ta’ dan il-ġeneru. Dan huwa riżultat tal-għaqda u l-ħbiberija bejn il-kompetituri u t-tim li jorganizza din il-wirja tal-qtates ewlenija f’Malta.  Tant hu hekk li kulħadd ħerqan biex jipparteċipa f’din is-show ta’ Diċembru: l-aħħar show tal-qtates għal din is-sena ser tkun gran finale mill-aqwa.  L-ispirtu tal-Milied se jkun qed jirrifletti fil-kulur tat-tazzi u l-kukkardi li jingħataw lir-rebbieħa jew lill-qattus li jirbaħ ċertu titli.  Tħares lejhom biss, tidħol fl-atmosfera tal-Milied!

Il-qtates ser jiġu ġġudikati minn ġurija professjonali fosthom Alla Liplianski minn Israel u Katharina Krenn mill-Awstrija. F’din il-wirja, filwaqt li wieħed jista’ jammira l-qtates, wieħed jista’ jisma’ apprezzamenti professjonali tal-kwalitjiet ta’ qtates differenti. Kull qattus jiġi ġġudikat skont diversi kriterji fosthom ir-razza, is-sess u l-età.  Dawk il-qtates li huma taħt l-għaxar xhur jikkompetu bħala frieħ u dawk akbar bħala adulti.  F’din il-wirja nsibu wkoll kompetizzjoni bejn qtates imsewwija kif ukoll dawk domestiċi. Il-qtates f’din il-wirja se jkunu qed jikkompetu għal titli differenti kif ukoll ikollhom iċ-ċans li jakkumulaw il-punti fuq TopCat. Din hija pjattaforma fejn wieħed jikkompeti ma’ eżebituri oħrajn minn madwar id-dinja.

Din il-wirja għandha skop edukattiv u tgħinna ukoll nifhmu d-dedikazzjoni ta’ min irabbi kemm qtates komuni kif ukoll dawk tar-razza.  Id-dedikazzjoni u l-imħabba ta’ diversi esebituri hija ċara.  Bħalma sar fil-wirjiet li għaddew tar-Royal Cat Society se jkun hemm ukoll ġbir għas-santwarji tal-annimali fejn imbgħad jingħata ikel għall-annimali li għadhom ma rnexxilhomx isibu familja fejn jgħixu.  Dan juri kif l-esebituri, kemm breeders jew le, għandhom għal qalbhom l-annimali kollha. Ħafna esebituri tal-qtates qed jistennew bil-ħerqa li jiltaqgħu magħkom nhar it-3 ta’ Diċembru u l-4 ta’ Diċembru ġewwa l-istudent hall tal-MCAST. Kunu hemm!

Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lil Royal Cat Society fuq Facebook.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com