Malta Allokata €205 Miljun Għall-Fond Soċjali Ewropew+
Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-programm tal-Fond Soċjali Ewropew+ għal Malta għas-snin 2021-2027. Malta ġiet allokata €205 miljun għall-Fond Soċjali Ewropew+ li se jagħti l-opportunità li nsostnu l-investimenti fil-kapital uman, li jibqa’ l-aktar riżorsa importanti tal-pajjiż.
L-investiment taħt dan il-programm ta’ fondi għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet f’diversi setturi fosthom fis-settur tax-xogħol, edukazzjoni, saħħa u fil-qasam soċjali bil-għan li jitjiebu s-servizzi eżistenti u jinħolqu servizzi ġodda skond il-ħtiġijiet.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li bħala pajjiż diġà nafu kemm huma ta’ benefiċċju l-fondi Ewropej. “Bħala pajjiż wettaqna diversi proġetti grazzi għall-fondi Ewropej. Illum li ġew approvati dawn il-fondi se jkunu qed isiru numru ta’ proġetti oħra fil-qasam soċjali li minnhom jibbenefika kulħadd.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni ta’ programm operattiv ieħor għal Malta u qal li issa jħares ’il quddiem li pajjiżna jibda jutilizza dawn il-fondi.
“Filwaqt li Malta se tkompli tibni fuq skemi u inizjattivi li qegħdin jitwettqu mill-programm operattiv 2014-2020, il-programm il-ġdid jingħaqad ma’ interventi u investiment oħra li qegħdin jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej u se jkomplu jgħinuna nindirizzaw l-isfidi fosthom wara l-pandemija, kif ukoll inwasslu l-viżjoni li għandna għal pajjiżna fis-settur soċjali, settur li huwa l-pedament li fuqu hija bbażata l-politika ta’ dan il-Gvern,” sostna Dr Bonett.