MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Baġit Ta’ €49.5 Miljun Għas-Settur Tal-Ġustizzja, Tliet Darbiet Aktar Minn Dak Allokat Qabel L-2013

 MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Baġit Ta’ €49.5 Miljun Għas-Settur Tal-Ġustizzja, Tliet Darbiet Aktar Minn Dak Allokat Qabel L-2013

Fil-Qorti ta’ Malta ġew inawgurati uffiċini ġodda li se jkunu qed jintużaw minn żewġ ġudikanti kif ukoll mill-ħaddiema tagħhom.

L-uffiċini addizzjonali ġew inawgurati mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Johan Galea u tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.

F’konferenza tal-aħbarijiet li segwiet il-ftuħ tal-uffiċini, il-Ministru Jonathan Attard tkellem dwar numru ta’ proġetti li se jitwettqu fis-sena li ġejja mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, inklużi awla ġdida tal-ġurijiet, awla fil-Qorti tal-Familja, sistema modernizzata tal-audio u installazzjoni ta’ document cameras diġitali.

“L-allokazzjoni fil-Budget 2023 għall-ġustizzja hija prova ċara ta’ kemm dan il-gvern għandu fuq nett tal-aġenda tiegħu s-settur tal-ġustizzja. L-allokazzjoni ta’ €49.5 miljun għal dan is-settur mhux biss tfisser żieda ta’ 6% mill-Budget 2022 iżda din l-allokazzjoni hija tliet darbiet aktar minn dak allokat fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista,” saħaq il-Ministru Attard.

B’hekk, is-sena d-dieħla se naraw it-tlestija ta’ żewġ awli u aktar uffiċini għall-ġudikatura u għall-ħaddiema. Dan apparti li l-gvern se jibqa’ impenjat bl-iżvilupp tal-binja biswit il-Qorti kif ukoll il-binja tal-Qorti ta’ Għawdex.

Indirizza wkoll il-konferenza s-Segretarju Permanenti Johan Galea li tkellem dwar numru ta’ miżuri u inizjattivi li se jkunu qed isiru mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, b’attenzjoni speċjali fil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Is-Sur Galea qal li, “L-aċċess għall-ġustizzja huwa l-mira tal-għodda diġitali, fejn ikun hemm tħarriġ apposta biex ħadd mill-istakeholders ma jitħalla barra. Permezz ta’ dan tinbena kultura ta’ interoperabilità ta’ sistemi, kontabilità, trasparenza, aċċessibilità u ġustizzja li tkun verament people-centred.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com