MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Ikompli T-Tisħiħ Fil-Kunsilli Lokali U Reġjonali

 MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Ikompli T-Tisħiħ Fil-Kunsilli Lokali U Reġjonali

“Minkejja r-realtajiet straordinarji li qed iġibu magħhom sfidi ġodda, il-gvern xorta kompla jinvesti fil-kunsilli lokali u reġjonali. Dan għaliex dawn l-awtoritajiet iservu rwol importanti fl-ibliet u fl-irħula Maltin u Għawdxin”, qalet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-miżuri tal-Budget 2023.

Għaldaqstant, din is-sena l-gvern alloka €5.75 miljun għal skemi finanzjarji għall-kunsilli lokali. L-għan ewlieni ta’ dawn l-iskemi huwa li l-kunsilli lokali jkollhom l-għodda neċessarja sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet li jinbidlu maż-żminijiet u b’hekk ikomplu jtejbu ħajjet tar-residenti.

Waħda minn dawn l-iskemi hija dik għall-iżvilupp u għat-titjib tal-playing fields, b’fond ta’ €771,000. Is-segretarju parlamentari ħabbret li 22 kunsill lokali se jibbenefikaw minn din l-iskema, inkluża l-lokalità tax-Xgħajra fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet. Dan ifisser li 22 lokalità f’Malta u f’Għawdex u r-residenti rispettivi ta’ dawn il-lokalitajiet ser igawdu minn titjib fi playing fields eżistenti jew minn żvilupp ta’ playing fields ġodda.

Il-playing fields fil-lokalitajiet huma riżorsa importanti għaliex joffru spazju għar-rikreazzjoni u għall-isport, li huma żewġ fatturi li jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. “L-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma ta’ dan il-gvern. Għaldaqstant il-gvern lokali kommess li tul is-sena li ġejja jkompli jiffinanzja skemi simili sabiex il-kunsilli lokali u reġjonali jkunu tassew estensjoni tal-gvern fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Fir-rigward tal-fondi diretti li ser ikunu qed jirċievu l-kunsilli lokali u reġjonali għas-sena d-dieħla, is-segretarju parlamentari ħabbret li dawn il-fondi ser jiżdiedu b’aktar minn nofs miljun ewro.

Spjegat ukoll li għas-sena li ġejja ser titwettaq miżura elettorali oħra fejn ser jiġi implimentat mekkaniżmu ġdid għall-finanzjament tal-iskemi għall-kunsilli lokali. Dan il-mekkaniżmu ser jinvolvi l-evalwazzjoni ta’ skemi proposti mill-kunsilli lokali nfushom, għaliex il-gvern lokali jemmen li kull kunsill lokali jaf l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalità rispettiva tiegħu.

Matul is-sena d-dieħla ser tkompli wkoll il-ħidma għall-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali, fejn wara li jiġi evalwat il-feedback mill-konsultazzjoni, titnieda l-istrateġija.

Tħabbar ukoll it-twaqqif ta’ kumitat organizzattiv bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mat-30 sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f’Malta u f’Għawdex għas-sena li ġejja.

“Permezz tal-Budget 2023, il-gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ u jagħti l-għodda meħtieġa lill-qasam tal-gvern lokali ħalli jkun jista’ jwettaq l-operat tiegħu permezz ta’ servizzi pubbliċi aċċessibbli, effettivi u effikaċi,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com