Stejjer Tal-Milied – Story Café Li Jmiss Se Jesplora Ċelebrazzjonijiet, Drawwiet U Tradizzjonijiet

 Stejjer Tal-Milied – Story Café Li Jmiss Se Jesplora Ċelebrazzjonijiet, Drawwiet U Tradizzjonijiet

Li tilbes għall-quddiesa lejlet il-Milied fil-Venezwela tfisser xi ħaġa differenti

Il-proġett SMITE, immexxi mill-African Media Association of Malta (AMAM) bl-appoġġ ta’ NWAMI International Malta, se jorganizza t-tielet avveniment tiegħu Story Café nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru. L-avveniment, li qed isir fil-Ronald McDonald House of Charites fil-Qawra bejn l-10am u 12, qed jistieden membri tal-komunitajiet lokali u internazzjonali ta’ Malta biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-Milied, u ċ-ċelebrazzjonijiet, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet oħra f’pajjiżi u kuntesti kulturali differenti.

Levi Jikong, amministratur tal-proġett SMITE ta’ AMAM, qal, “Il-Milied, bħal ħafna festi reliġjużi oħra, huwa ċċelebrat fl-erba’ irkejjen tad-dinja. Filwaqt li l-istorja tan-natività hi kważi l-istess kullimkien, il-mod kif tiġi interpretata u ċċelebrata jvarja ħafna. Story Cafes ta’ SMITE jeżistu speċifikament biex jagħtu opportunità lil nies minn kulturi u sfondi differenti biex jaqsmu l-istejjer li trabbew magħhom u li sawru l-ħarsa tagħhom tad-dinja. Nittamaw li l-opportunità li naqsmu wkoll l-istejjer differenti tagħna dwar il-Milied tkompli trawwem fehim aħjar bejn il-komunitajiet kollha li issa jsejħu lil Malta bħala d-dar tagħhom.”

SMITE, li tfisser ‘Stereotypes & Mass Information Together Explored’ tnieda fl-2021. Dan il-proġett huwa ffinanzjat bis-sħiħ b’għotja ta’ €25,000 mill-Islanda – Liechtenstein – Norway Active Citizens Fund, operat minn SOS Malta. SMITE huwa appoġġjat ukoll mill-Ministeru għall-Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur. L-isem tal-proġett intgħażel minħabba x-xebh fonetiku tiegħu mal-verb Malti ‘smajt,’, li jfakkarna kemm aħna faċilment influwenzati minn dak li jsejjesna f’widnejna. Il-kunċett ta’ SMITE huwa bbażat fuq il-kunċett tal-Istorja Unika tal-kittieb Niġerjan Chimamanda Ngozi Adiche u kif dan iħalli impatt fuq il-perċezzjonijiet tagħna ta’ xulxin, l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tagħna.

Maria Gabriele Doublesin, Chairperson ta’ NWAMI International Malta, qalet, “Huwa affaxxinanti kif xi affarijiet li jidhru ovvji għalina mhumiex għal oħrajn, anke meta nkunu qed nitkellmu fuq l-istess suġġett. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tradizzjonijiet tal-Milied, għal Malti li jkollu Ġulbiena hi prassi normali, pero fl-istess waqt residenti fil-Caracas isibha perfettament normali li jmur il-Knisja lejlet il-Milied bi roller skates. Ngħixu fejn ngħixu, aħna mdawrin bi stejjer li jgħinuna noħolqu u nispjegaw id-dinja li ngħixu fiha. Il-verità hi li ħafna minn dawk l-istejjer mhumiex kompluti jew fuq naħa waħda u hekk kif il-komunitajiet kullimkien isiru aktar diversi huwa importanti għalina li naqsmu dawn l-istejjer biex tgħinna nifhmu aħjar lil xulxin.”

Aktar tagħrif dwar il-proġett SMITE jinsab fuq https://smite.mt. Aktar informazzjoni dwar l-Story Café li jmiss, inkluża r-reġistrazzjoni tista’ tinkiseb billi tibgħat email lil [email protected]

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com