Ħarsa Minn Wara L-Kwinti: Ix-Xjenza U L-Ispettaklu
Iċ-ċentru interattiv Esplora jistinka kull jum biex jesplora x-xjenza b’modi inqas konvenzjonali, speċjalment meta l-għan ewlieni taċ-ċentru huwa li jqanqal il-kurżità tal-viżitatur u joħloq dik il-passjoni sabiex wieħed jistaqsi u jitgħallem aktar.
Iċ-ċentri tax-xjenza huma magħrufa għal dak li nsejħulu edutainment, li jfisser jgħaqqad il-prinċipji tal- edukazzjoni ma’ dawk tad-divertiment ħalli jiġbed l-interess tal-viżitatur. Wieħed mill-metodi ta’ kif wieħed jista’ jagħmel dan huwa permezz tax-xows tax-xjenza.
Ix-xows tax-xjenza jistgħu jieħdu diversi forom u dan jiddependi mill-għan tax-xow kif ukoll l-udjenza li jkollok quddiemek. Fl-Esplora nippruvaw inżommu ma’ format partikolari li jinkorpora rakkont ta’ storja, dimostrazzjonijiet u partiċipazzjoni attiva min-naħa tal-udjenza.
Meta wieħed jiġi biex jiżviluppa xow ġdid, l-ewwel pass li jagħmel hu li jidentifika l-udjenza li jixtieq jolqot. Studenti tal-iskejjel, flimkien ma’ familji bi tfal żgħar. Dan nagħmluh għax r-riċerka turi li l-imħabba lejn dan is-suġġett għandha tibda tinbet miċ-ċokon.
Wara li tiġi identifikata l-udjenza, il-persuni li jkunu qed jiktbu l-iscript jidentifikaw it-tema tax-xow. L-ispirazzjoni għal din tista’ tiġi minn sorsi differenti, bħal suġġetti li jolqtu l-aktar lill-Esplora, mill-kummenti u interessi tal-viżitaturi, jew mil-laqgħat ma’ stakeholders bħal edukaturi u professjonisti.
Il-proċess tal-kitba tal-iscript imbagħad ikompli bir-riċerka. Fl-ewwel fażi, il-kittieba tal-iscript iridu jaraw x’jixtiequ jikkomunikaw u l-aħjar mod ta’ kif jikkomunikaw dan. Normalment nippruvaw nagħmlu riċerka u niddiskutu kunċetti u dimostrazzjonijiet differenti li jkunu relatati mat-tema tagħna. B’hekk niskopru dawk il-metodi li diġà jeżistu u nidentifikaw modi ġodda kif nistgħu nwasslu s-suġġett b’tali mod li jkun aktar relevanti għax-xena lokali. Din il-fażi ta’ riċerka hija użata wkoll biex nidħlu aktar fid-dettall tal-kunċetti xjentifiċi u naraw kif inhuma marbuta mas-sillabu tal-iskola u mal-prijoritajiet u l-problemi li niffaċċjaw lokalment.
Waqt din il-fażi, il-kittieba tal-iscript ikunu diġà qed jaħsbu fuq l-istorja u kif id-diversi dimostrazzjonijiet jistgħu jkunu konnessi ma’ xulxin. Imma qabel ma jiktbu dan, il-kittieba jkunu jridu jittestjaw l-esperimenti u d-dimostrazzjonijiet u jkunu ċerti li jaħdmu f’kundizzjonijiet differenti. Pereżempju,esperimenti li jinvolvu l-elettriku mhux dejjem jaħdmu sew meta l-ambjent ikun umduż. Hekk kif jiġu deċiżi l-esperimenti li se jintużaw tkun tista’ tibda t-tielet fażi; il-kitba tal-iscript.
Huwa importanti ħafna li meta jibda jinkiteb l-iscript, il-kittieb iżomm l-udjenza f’moħħu, għax din isservi ta’ gwida biex tiġi identifikata l-lingwa li tintuża, it-tip ta’ mistoqsijiet li jsiru sabiex jiġu mwieġba mill-udjenza, u anke kif id-dimostrazzjonijiet jistgħu jingħaqdu ma’ xulxin biex jinbnew kunċetti minn dawk l-aktar sempliċi għal dawk aktar kumplessi.
Tixtieq tesperjenza x-xows tax-xjenza ta’ Esplora? Inħeġġuk tara l-iskeda tal-ġimgħa minn fuq din il-ħolqa sabiex tagħżel ix-xow preferut tiegħek. Waqt ix-xow, ikollok ukoll l-opportunità li tiltaqa’ mal-
komunikaturi tax-xows tax-xjenza li, permezz tal-passjoni kbira tagħhom għas-suġġett, ikomplu jqanqlu l-interess tal-udjenza u jirnexxilhom joħolqu bilanċ effettiv bejn ir-rispons emotiv u l-għan
edukattiv tax-xow.
Mela x’qed tistenna? Aqta’ l-kurżità u esplora!