SterjoTipi Iniedu Kanzunetta Ġdida ‘Bogħod Mill-Briju’ B’ Vidjow Mużikali Bħala Parti Mill-E.P Tagħhom ‘Supereroj’

 SterjoTipi Iniedu Kanzunetta Ġdida ‘Bogħod Mill-Briju’ B’ Vidjow Mużikali Bħala Parti Mill-E.P Tagħhom ‘Supereroj’

SterjoTipi ilhom joħorġu mużika għal dawn l-aħħar ħames snin fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali u pjattaformi tal-midja soċjali. Għall-aħħar waħda tagħhom ‘Bogħod mill-Briju’, il-band ħarġet ‘performance video’ li jippreżenta lill-udjenza b’xi ħaġa differenti mill-vidjows preċedenti tagħhom.

Il-kanzunetta hija parti mill-E.P tagħhom ‘Supereroj’ li qed jġib appoġġ tajjeb ħafna mit-televiżjoni u stazzjonijiet tar-Radju lokali, kif ukoll fuq il-midja soċjali. Infatti l-kanzunetta ‘Differenti’ irnexxilha tilħaq l-ewwel post fuq il-PRS Chart ta’ Malta. ‘Bogħod mill-Briju’ issegwi stil ta’ mużika simili tal-kanzunetti preċedenti tal-E.P. u tista’ titqies bħala kanzunetta up-tempo u li jistgħu jkantaw magħha n-nies. ‘Bogħod mill-Briju’ tfisser ix-xewqa tal-kittieb li jrid jaħrab il-bogħod mill-ġenn tad-dinja u jsib xi mkien għal kwiet u l-paċi, ‘l bogħod minn kollox.

SterjoTipi qed jippjanaw li joħroġu aktar mużika fix-xhur li ġejjin. Fil-fatt, il-kantant ewlieni tagħhom Mark Micallef Costa se jipparteċipa wkoll fil-Festival ‘Mużika Mużika’ tas-sena d-dieħla, bil-kanzunetta l-ġdida tiegħu ‘Fuq Pultruna’ li se tindaqq għall-ewwel darba waqt is-semifinali ta’ dan il-festival, li se jsir nhar il-Ħamis 23 ta’ Marzu 2023.

Għal aktar informazzjoni u l-aħħar aħbarijiet minn SterjoTipi, żur il-paġni tagħhom ta’ Facebook u Instagram, kif ukoll il-pjattaformi tal-mużika online Spotify u YouTube.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com