“Ħallejtu għand dog sitter u l-kelb spiċċa bi 3 saqajn”

 “Ħallejtu għand dog sitter u l-kelb spiċċa bi 3 saqajn”

Ollie, kelb b’ħafna enerġija, iħobb jilgħab ħafna u jifraħ ma’ kull persuna, iżda, inċident ikrah li kellu, li kważi qatlu, spiċċa b’sieq maqtugħa.

Sidt Ollie, Claire Bonello, qasmet magħna l-esperjenza li għadda minnha l-kelb tagħha meta ħallietu ma’ pet sitter.

“Konna sejrin weekend break Malta stess u allura bħal kull min imur vaganza u għandu l-klieb, ridna nsibu dog sitter għall-klieb tagħna. Konna sibna lil xi ħadd u morna l-weekend break. Kollox kien sew sal-ewwel jumejn.”

Fit-tielet jum, Claire tirċievi telefonata mingħand id-dog sitter.

“Bdiet tibki u twerżaq xħin ċemplitli. Qaltli li Ollie, skontha, qabeż mit-tieqa tal-karozza u tajritu vettura. Ħaduh jiġri bl-ambulanza għand vet viċin.”

Il-kelb jispiċċa f’qagħda kritika.

“Ollie tilef ħafna demm. Fil-fatt tal-ambulanza mesaħ barmil demm minn ġol-ambulanza. Kellu head trauma, kiser spallejh u saqajh, u anke nfaqqa’ l-pulmun. Onestament ma nafx kif kien baqa’ ħaj.”

Ollie kellu jittieħed f’post biex jiġi osservat 24 siegħa.

“Kellu ħafna kumplikazzjonijiet u ma stajtx inlaħħaq mal-ispejjeż biex Ollie jingħata l-kura meħtieġa. Minħabba f’hekk tlabt l-għajnuna tan-nies. Nixtieq ngħid grazzi lil dawk li kienu għenuni. F’kemm ilni ngħidlek, malli semmgħu bl-istorja, in-nies mill-ewwel qabdu jgħinu. Kieku ma kinux huma ma kontx naf x’naqbel nagħmel.

Ollie jispiċċa jitlef sieq minnhom.

“Minħabba n-negliġenza ta’ vet partikolari u minħabba l-inċident, sieq Ollie li kienet perfetta, spiċċat ikkankratlu, u ma kellniex għażla oħra ħlief li titneħħa din is-sieq.”

Illum Ollie jinsab f’saħħtu u reġa’ beda jifraħ, jilgħab, bħal klieb oħra.

“Għalkemm ġara dan kollu Ollie għadu b’saħħtu. Kien jimpressjonani kemm ma jaqtax qalbu għax anke muġugħ u b’dawk il-faxex kollha kien jipprova jqum, jimxi u jilgħab kif jista’. Ollie issa jinsab ħafna aħjar u qisu mhux hu. Reġa’ ġie b’dik l-enerġija li kellu. Jiġifieri mnalla emminna fih.”

Claire tistqarr li titlob li ma ħadd ma jgħaddi minn esperjenza qarsa.

“Hi esperjenza li kull darba li niftakar fiha jaqbadni l-bard u d-dwejjaq, u nitlob li ħadd ma jgħadd minn dak li għaddejna aħna. Kien hemm min qalli biex inraqqdu għax ħasbu li mhux se jsalva, imma jiena u l-għarus tiegħi emminna ħafna fih u ma ridna naqtgħu qalbna qatt.”

Meta hi ġiet mistoqsija jekk terġax tħalli l-kelb tagħha għand dog sitter, qaltilna iva.

“Milux sifirna u kellna nħalluh ma’ pet sitter. Ma kienet faċli xejn u kelli biża’ enormi. Però fittixna sew u anke ħallejnieh ma’ xi ħadd li konna nafu li mhux se jiddispjaċina. Ovvjament xorta nibqa’ mbeżżgħa meta nħallih għand dog sitter. Però llum tgħallimt li mhux ħa nħallih għand dog sitter kwalunkwe. Ma nistax lanqas nifta’ lil kulħadd taħt keffa waħda. Però qabel inħallih ma’ dog sitter nara li din il-persuna hija verament responsabbli.”

Wara din l-esperjenza, Claire temmen li dog sitter għandu jkollu liċenzja.

“L-appell tiegħi lil kull min għandu annimal hu li ma jaqbdux u jħallu lill-pet tagħhom ma’ min jiġi jew ma’ min iwieġeb fuq xi Facebook post. Agħmlu r-riċerka tagħkom sew. Ħaġa oħra għandu jkun hawn iżjed sigurtà u nemmen li dog sitter għandu jkollu liċenzja għax dan xogħol hu wara kollox u r-responsabbiltà kbira għax l-annimali għalina huma parti minn familja.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com