Kompetizzjoni pikuża jew arti devota?

 Kompetizzjoni pikuża jew arti devota?

Il-Parroċċi tan-Naxxar u l-Mosta jmissu ma’ xulxin; fil-fatt sa qabel l-1608 il-Mosta kienet tagħmel parti min-Naxxar. Malli l-Mosta saret lokalità għaliha, inħolqot pika bejnha u n-Naxxar, tant li għadek sal-lum tisma’ b’xi botti bejn iż-żewġ naħat.

Din hija riflessa fil-festa tal-irħula waqt il-marċi, fil-futbol u anke botti fuq liema hu l-isbaħ, l-aqwa jew l-aħjar lokal. Ovvjament maż-żmien din naqqset ħafna mis-saħħa tagħha anke minħabba l-fatt li ssib ħafna Mostin u Naxxarin miżżewġin għand xulxin.

Iżda l-għajta tal-passat għadha tidwi, tant li ħafna jqisuha bħala parti mill-wirt tat-tradizzjoni.

Iż-żewġ parroċċi jiċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira bil-purċissjoni tradizzjonali li jiġbdu bosta ammiraturi mhux biss reliġjużi iżda wkoll dawk li għandhom għal qalbhom il-kultura.

Kif qed toqrob il-Ġimgħa Mqaddsa, bla dubju ż-żewġ parroċċi jiġbdu ħafna nies lejhom biex jaraw il-knejjes sbieħ u armati. It-turisti ma jonqsux.

Il-Monumenti – il-karru bi Kristu mejjet – huma magħrufa bħala l-isbaħ tnejn fil-gżejjer Maltin.

Dak tan-Naxxar sar fl-1882 xogħol l-iskutru Pawlu Bugeja. Fil-kantunieri nħadmu erba’ anġli attribwiti lil Karlu Darmanin, iżda x’aktarx li saru minn Kalċidon Mangion bil-forom ta’ Darmanin.

Jingħad li b’inkejja, imbagħad sar tal-Mosta fl-1924 minn Wistin Camilleri u x-xogħol tal-bellus minn Antonio Agius. Dan fih tmien anġli u jitmexxa fuq ir-roti.

Huma żewġ monumenti rikki mmens f’dik li hija artistrija.Tan-Naxxar jgħidu li tagħhom kien l-ewwel, miġbur mill-poplu u jinġarr fuq l-ispalla. B’tal-Mosta jgħidu li tagħhom iżjed sinjur.

Żgur, li t-tnejn huma meravilja artistika u jixhdu wkoll mhux biss id-devozzjoni, imma s-sengħa tal-artisti Maltin li b’idejhom ħolqu dawn il-kapolavuri sbieħ.

Insellmu liż-żewġ parroċċi li jiċċelebraw bil-kbir il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa.

 

Ritratti: Tax-Xellug; Mosta/ tal-Lemin: Naxxar

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com