“Meta twieldet qalulna li għandha d-Down Syndrome u 2 toqbiet f’qalbha” – Missier Amber

 “Meta twieldet qalulna li għandha d-Down Syndrome u 2 toqbiet f’qalbha” – Missier Amber

Din Amber. Meta twieldet, missierha u ommha ħadu l-aħbar li binthom għandha d-Down Syndrome u problemi f’qalbha.

“Dwar id-Down Syndrome ftit li xejn konna nafu dwarha. Però jiena u speċjalment il-mamà tagħha konna lesti biex naħdmu għal kulma jkun hemm bżonn,” qalilna Lawrence, missier Amber.

Amber ta’ ftit ġranet titla’ l-Ingilterra għal kura. “Amber apparti li twieldet bid-Down Syndrome, kellha żewġ toqbiet f’qalbha u żewġ problemi f’żewġ valvijiet ta’ qalbha. Għalhekk kellna mmorru l-Ingilterra biex tiġi operata f’qalbha. L-akbar inkwiet tagħna kienet din l-operazzjoni. Din damet disa’ sigħat u b’kollox għamilna sitt ġimgħat l-Ingilterra.”

L-operazzjoni tirnexxi u Amber illum tinsab f’saħħtiha.  Għal ommha u missierha, Amber tfisser wisq. “Amber hija kollox għalina. Għandha karattru tal-ġenn u tħobb bi mħabba kbir lil kulħadd. Kull fejn tkun tkellem u tferraħ lil kulħadd.”

Illum huwa l-Jum Internazzjoni tad-Down Syndrome. Lawrence jappella biex tfal b’din il-kundizzjoni jingħataw l-għajnuna biex jimxu ‘l quddiem.

“Dan il-jum huwa l-jum fejn aktar minn qatt qabel inwasslu l-messaġġ li d-Down Syndrome mhijiex tabella biex tiddeskrivi tfal u nies bħal Amber. Hija kundizzjoni bħal ħafna oħrajn. Tfal bħal Amber huma tfal normali bħal kull tifel u tifla oħra. L-appell tiegħi huwa biex ngħinu u nagħtu l-għodda neċessarji lil tfal bid-Down Syndrome għax huma wkoll kapaċi jaslu.”

F’jum internazzjonali tad-Down Syndrome, illum Amber ingħatat sorpriża. “L-għalliema ta’ Amber flimkien mal-iskola ta’ St Joseph fejn tattendi hi stess organizzaw sorpriża għaliha. Ġew mistiedna l-plejers tal-Ħamrun Sparatans u taw sorpriża lil Amber fil-klassi peress li hija supporter kbira tal-Ħamrun. Tista’ timmaġina kif baqgħet xħin rathom!”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com