Oqgħod attent jekk irċevejt messaġġ li juri li hu mill-BOV
Il-Pulizija ta’ Malta qed tappella biex jiġu injorati messaġġi qarrieqa li taparsi qed jintbagħtu mill-BOV.
Dawn il-messaġġi qarrieqa jitolbu lill-persuni biex jidħlu fuq sit li minnha taparsi jerġgħu jattivaw il-karta ta’ kreditu. Meta persuna tidħol fuq sit qarrieqa tintalab iddaħħal id-dettalji tal-kont bankarju, bl-iskop li jinġibdu l-flus mill-kont tal-persuna li tkun spiċċat vittma ta’ dawn il-messaġġi qarrieqa.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ STRADA RJALI li kuljum qed jidħlu ammonti ta’ rapporti għand is-Cyber Crime Unit dwar dawn il-messaġġi; saħansitra ġieli jkun hemm mal-20 rapport f’ġurnata.
Intant, jekk inti jew taf lil xi ħadd li spiċċa vittma ta’ dawn it-tip ta’ messaġġi rrapportaw fuq in-numru 2294 2231 jew b’email fuq [email protected].