“Pa, illum f’għeluq sninek, negħmiżlek waħda kbira minn hawn” – Bint il-Professur Oliver Friggieri

 “Pa, illum f’għeluq sninek, negħmiżlek waħda kbira minn hawn” – Bint il-Professur Oliver Friggieri

Illum jaħbat għeluq snin il-mibki poeta u lettur, il-Professur Oliver Friggieri.

Strada Rjali tkellem ma’ bintu, Sarah, li tispjegalna kif missierha jfisser ħafna għaliha.

“Kif jiġri f’ħafna relazzjonijiet oħra, il-papà huwa dik il-persuna li magħha trabbejt, kbirt u esperjenzajt mumenti importanti f’ħajti. Illum inħares lura u nġorr miegħi l-lezzjonijiet li huma l-aktar importanti għalija. Għalhekk, nista’ ngħid li huwa parti integrali minni li fl-aħħar mill-aħħar sawwarni fil-persuna li jien illum.”

Sarah tgħidilna kif dawn l-okkażjonijiet bħal għeluq sninu ma tantx kienu jagħmlu bih.

“Kien iħares lejhom b’ċeru umoriżmu u mhux b’xi importanza partikolari. Jum it-twelid ta’ persuna kien kuljum, kif kien jgħid hu stess. Għalija, illum aktar minn qatt qabel huwa jum ieħor fejn ifakkarni fih ftit aktar mis-soltu.”

Tistqarr li hemm ħafna affarijiet li jfakkruha f’missierha. “Hemm wisq affarijiet li jfakkruni fih, li hija xi ħaġa li ngħożż u napprezza, bla dubju, imma dan jista’ wkoll jagħmilha ftit aktar diffiċli speċjalment meta l-ispazju li wieħed ikollu bżonn, mhux dejjem jingħata kif meħtieġ.”

Meta mistoqsa jekk iż-żmien hux itaffi jew iktar tħoss in-nuqqas tiegħu, tistqarr li ma tafx tweġibni.

“Ma nafx inwieġbek jew ma nafx kif għandi nweġibha. Naħseb li għadu kmieni jekk qatt jista’ jkolli tweġiba adatta għaliha. Huwa proċess li kull wieħed u waħda minna jrid jgħaddi minnu, mument jew ieħor, irid jew ma jridx. Iż-żmien jgħallmek tadatta anke jekk fiċ-ċirkostanzi mhux dejjem ikun faċli. Inqabbel dan il-proċess ma’ tieqa li tibqa’ dejjem imbexxqa u li minnha xi drabi tgħaddi żiffa u xi drabi tidħol bufula. Tkun liebes kemm tkun liebes sew, se tħossha xorta.”

Iktar kmieni llum Sara tellgħet din il-poeżija fuq Facebook biex issellem lil missierha.

Pa’, illum f’għeluq sninek, negħmiżlek waħda kbira minn hawn! xxx
Hemm kelma li tlissinha
met’int ma titkellimx,
hemm ħaġa li tifhimha
met’int ma tifhimx.
Hemm ħarsa li tħarisha
x’ħin jaqa’ n-ngħas f’għajnejk,
hemm mużika li tisma’
jekk imtarrxin widnejk.

“Bħal okkażjonijiet oħra nħoss li għandi nsellimlu jew infakkru bi kliem stess.Irid jgħaddi ħafna żmien biex jien stess niskopri sew il-kitbiet tiegħu. Xi drabi nagħżel li nagħmel dan għax naf sew u mill-qrib kemm il-kelma kienet importanti għalih, kemm wara kull ħoss u wara kull waqfa kien hemm ħsieb li kellu bżonn joħroġ. Huwa wkoll mod ta’ kif iġegħilni nibqa’ l-aktar qrib tiegħu. Għajnejja waqgħu fuq dawn il-versi proprju għax forsi jfakkruni fl-aktar żmien fejn xtaq ikompli jwassal leħnu u ħsibijietu u ma setax imma wkoll għax fis-silenzju u s-skiet jista’ jasal l-eku ta’ dak li jixtieq jingħad, jekk ikollna widnejna u qalbna miftuħin.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com