Klieb tat-tiftix kapaċi jfittxu daqs 50 persuna f’daqqa
Klieb imħarrġa għat-tiftix kapaċi jfittxu mhedda kbira ta’ art f’qasir żmien; li kieku l-istess tfittxija ssir mill-bniedem ikun hemm bżonn minn tal-inqas 50 persuna u ħafna aktar ħin.
STRADA RJALI tkellmet ma’ Janine Theuma Castelletti, il-President tal-K-9 Urban Search & Rescue Malta li riċentament ħadu sehem flimkien ma’ timijiet mill-Islovakkja, l-Iżvezja u n-Norveġja bħala parti minn taħriġ f’simulazzjoni ta’ diżastru.
Il-President tal-K-9 Urban Search & Rescue Malta qalet li dan it-taħriġ huwa importanti ferm, għaliex f’każ ta’ diżastru bħalma rajna aktar kmieni din is-sena fit-Turkija, kull sekonda hija kurċjali.
Il-klieb li jkunu mħarrġa għal dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet idumu jaħdmu sakemm jaslu għall-età ta’ bejn seba’ u disa’ snin, iżda, ġieli jkun hemm eċċezzjonijiet fejn bil-kunsens tal-vet idumu aktar biex jirtiraw. Wara li jirtiraw, il-klieb tal-assoċjazzjoni jibqgħu mal-handlers tagħhom għal kumplament ta’ ħajjithom.
Ġeneralment, ma jkunx hemm razza partikolari ta’ klieb li jkunu mħarrġa għat-tiftix, iżda minħabba l-fatt li jrid ikollhom saħħa, stamina u ċertu kobor, il-klieb komuni għal dan it-tip ta’ xogħol ikunu Border Collies, Labradors, Belgian Malinois kif ukoll German Shepherds.