“Ridt naċċettaha li ibni ħa jibqa’ għami għal ħajtu kollha” – Karen, Omm Quiven

 “Ridt naċċettaha li ibni ħa jibqa’ għami għal ħajtu kollha” – Karen, Omm Quiven

Quiven ta’ 7 xhur sabulu tumur f’għajnu, u mbagħad sabulu tumur fl-għajn l-oħra. Illum Quiven ma jarax.

STRADA RJALI tkellmet ma’ Karen, omm Quiven li tgħidilna li għalija dan kien xokk kbir.

“Quiven mhux nieqes mid-dawl, però għami kompletament għax lanqas light perception ma għandu. Għall-bidu kien xokk kbir għax ġraw żewġ affarijiet f’daqqa; għama u kanċer. Allura qisek tibda tgħid saħħa għami, marid ukoll? Ikollok biża’ li mhux ħa jfiq u trid taċċetta li ħa jibqa’ għami tul ħajtu kollha.”

Tispjega kif l-uġigħ tagħha hu li ma jistax jara dak li naraw aħna.

“L-iktar ħaġa li tkiddni huma affarijiet żgħar, eżempju fejn il-baħar u naraw xi ħuta u hu ma jistax imissa. Nibda ngħid Alla għamel ħolqien daqshekk sabiħ u hu mhux ħa jkollu l-opportunità jarah bil-mod tagħna.”

Però Karen taqsam magħna s-sodisfazzjoni tagħha għal dak li qed jirnexxilu jagħmel Quiven.

“L-akbar sodisfazzjoni għalija hu meta narah jidħak u kuntent. Meta jqum filgħodu u jgħidli kemm hu ferħan. Imbagħad meta narah idoqq il-pjanu u s-saxophone, u meta jdoqq quddiem udjenza li tqum iċapċaplu. Qalbi tkun ħierġa bil-ferħ.”

Minkejja li ma jarax, Karen tgħidilna kif jimpressjonaha b’dak li jgħid.

“Jimpressjonani kuljum. Ġieli nkunu għaddejjin mit-triq u jgħidli, ‘ġejja z-zija’, jew nibda nfittex xi ħaġa u jgħidli, ‘hemm qiegħda mela ma tarax’. Jagħmel ħafna affarijiet ta’ kuljum li jħallini bla kliem. Eżempju kif jirnexxilu jifhem in-noti tal-mużika. Ġieli jgħidli, ‘Spjegali dan l-oġġetti kif tara inti għax jiena ma nistax narah’.”

Għal Quiven u l-familja tiegħu allaħares ma kinitx l-għajnuna ta’ Puttinu.

“Puttinu kien dak l-id li kellna bżonn waqt li konna qed negħrqu. Meta tidħol hemmhekk qisek dħalt ġo post fejn tkun żgur li ħa ssib min jifhem u ħa ssib l-għajnuna li għandek bżonn. Kem m għat-tifel, kemm għall-ġenituri u kemm għall-aħawa. Ħafna drabi ninsew l-aħwa u dawn ikunu qed ibatu daqs il-pazjent. L-appell tiegħi hu biex illum nkunu aħna ta’ spalla għal min għaddej mill-passjoni biex intaffulu ftit mit-toqol tas-salib li jkun qed iġorr”.

Illum ftakar f’Puttinu waqt il-maratona ġbir ta’ fondi bejn id-9:00am u 15:00pm, u mid-9:00pm sa 12:00am, li se tkun imxandra fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni kollha

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com