“Ta’ 50 sena qabditni l-Parkinson’s” – Adrian Casha

 “Ta’ 50 sena qabditni l-Parkinson’s” – Adrian Casha

Adrian Casha kien referee tal-FIFA, viċi-president tal-MFA, għamel 31 sena jaħdem mal-Air Malta u ta’ 50 sena jgħidulu li għandu l-Parkinson’s.

Ma’ STRADA RJALI, Adrian Casha jispjega kif beda jħossu differenti mis-soltu. “Is-sintomi kienu ebusija f’għonqi, għeja kbira, inkaxkar biex nimxi u riġidità f’idi l-leminija.

Adrian imur għand newrologu u jagħtih l-aħbar li għandu l-Parkinson’s. “Kien xokk kbir għalija. Bkejt. Ma stajtx nemmen.”

Id-diffikultajiet huma kbar u Adrian jgħidilna dak li jgħaddi minnu minn jum għal ieħor.

“L-akbar diffikultà hija waħda fiżika malli nqum filgħodu. In-naħa tal-lemin tiegħi nħossni staġnat u nkaxkar sieqi biex nimxi. Dak kollu li wieħed jagħmel f’ħakka t’għajn filgħodu bħalma huwa tinħasel, tixxotta, tqaxxir tal-leħja, ħasil tas-snien, tilbes il-ħwejjeġ, taqfel il-buttuni tal-qmis, tagħmel iċ-ċinturin, u taqfel iż-żarbn, għalija jieħdu l-ħin u jekk irrid ngħaġġel ikun jeħtieġli nfittex l-għajnuna.”

It-tbatija tiegħu ma tiqafx hemm.

“Minkejja li nidher li qed ngħix ħajja normali għax nagħmel sforz sabiex kontinwament intejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħi, nesperjenza ċerti sfidi speċjalment meta nħoss li ma għandix kontroll tal-moviment tiegħi jew inħossni riġidu wisq biex niċċaqlaq. Diffikultà oħra hija t-taqlib fil-ħin tal-irqad. Nistenbaħ f’nofs ta’ lejl u ma nkunx nista’ norqod. Mas-sebħ inħossni għajjien u tmur għajni bija, imma fl-istess waqt ikun sar il-ħin sabiex inqum mis-sodda u mmur għax-xogħol.”

Sfortunatment, Adrian isib ukoll il-kuntrarju mingħand in-nies.

“Nesperjenza tbatija psikoloġika meta niltaqa’ ma’ persuni li ma jagħdrukx, speċjalment fuq il-post tax-xogħol. Ngħidu aħna għax tasal tard jew għax l-input tiegħek filgħodu jkun wieħed limitat. Issib min jipprova jirredikolak u juża kliem iebes fil-konfront tiegħek billi jgħidlek li ma jemmnekx għax jarak fuq it-televixin, għax issiefer u toħroġ tiekol ma’ sħabek filgħaxija. Minflok jieħdu pjaċir u jinkoraġġuk għax qed tagħmel sforz biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħek, issibhom jiddubitawk u jaħdmu kontrik biex jeħilsu minnek. U jien nistaqsi: “Xi jridu minni dawn? Li nispiċċaw f’qiegħ ta’ sodda?”

Minkejja din it-tbatija, Adrian jibqa’ pożittiv.

“Attiv ħafna għax nagħmel ħilti sabiex inkun pożittiv. L-għajnuna li nagħti lil ħaddieħor u s-sodisfazzjoni li bħala organizzazzjoni volontarja Step Up for Parkinson’s nagħmel id-differenza u nnissel tbissima fost il-komunità tal-Parkinson’s. Din tagħtini l-istimolu neċessarju li ngħix il-ħajja u ngawdiha bl-aħjar mod li nista’. Dan nista’ nagħmlu għax għandi familja li tħobbni u ħbieb li jirrispettawni ħafna għal dak li jien minkejja d-diffikultajiet li nesperjenza minn ħin għall-ieħor.”

Huwa jagħmel appell għal min għandu l-Parkinson’s. “Agħmel kuraġġ u dejjem ara t-tazza nofha mimlija. Il-ħajja hija sabiħa. Għalhekk għandna dejjem infittxu l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħna li jgħinuna nħossuna aħjar fiżikament, mentalment, emozzjonalment, u soċjalment.”

Illum huwa l-jum iddedikat għal Parkinson’s. F’pajjiżna għandna xejn inqas minn 2,000 persuna li jgħixu b’din il-kundizzjoni. In-numri qegħdin jiżdiedu b’mod allarmanti b’rata ta’ 1% kull xahar mhux kull sena. Statistika uffiċjali turi li minn 1,676 persuni reġistrati bil-Parkinson’s f”Awwissu 2022, dan l-ammont tela’ għal 1,797 persuna sa Marzu 2023.

STEP UP FOR PARKINSON’S qiegħda toffri t-terapija meħtieġa permezz taż-żfin u l-movimenti kreattivi f’diversi lokalitajiet. Dan is-servizz huwa mingħajr ħlas u malli jibdew jattendu l-parteċipanti jħossuhom li sabu t-tieni famillja tagħhom.

Għal iktar informazzjoni tistgħu tagħmlu kuntatt ma’ Adrian Casha fuq 9949 1469 jew [email protected]

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com