Vjaġġ lejn l-ispazju bħalissa fl-Esplora
Iċ‑Ċentru Interattiv tax‑Xjenza, l‑Esplora, fetaħ il‑bibien tiegħu għal ‘Journey to Space’, avveniment fejn l-Esplora ġie trasformat f’post b’affarijiet ekstra-terrestri: satelliti, astronawti, rovers lunari, shuttles spazjali u ħafna aktar. L‑attività qed tittella’ bejn il‑11 u s‑16 t’April mill‑10am sal‑5pm.
Dawn id-dettalji tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega li permezz ta’ din l-attività qed ikomplu jżidu l‑għarfien dwar ix‑Xjenza, it‑Teknoloġija, l‑Inġinerija u l‑Matematika, magħrufa aħjar bħala l‑edukazzjoni STEM.
Dan l‑avveniment se jgħin ukoll biex iqarreb lis‑soċjetà max‑xjenza, fejn il‑viżitaturi se jkollhom l-opportunità jitkellmu ma’ numru ta’ riċerkaturi lokali li jaħdmu fix‑xjenza spazjali.
“Qed inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni STEM bil-għan li nkomplu nkabbru l-għarfien u ninkoraġġixxu aktar tfal minn età żgħira jagħżlu dawn is-suġġetti. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti dejjem aktar fir-riċerka, b’mod partikolari fil-qasam spazjali biex b’hekk nirregolarizzaw is-settur,” tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti, filwaqt li fakkar li bħalissa għaddejja ħidma għat-tfassil ta’ liġi ġdida dwar l-attivitajiet spazjali.
Min-naħa tiegħu, iċ‑Chairman tal‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija, Dr Tonio Portughese, qal, “Qed noffru din l‑opportunità lill‑viżitaturi tagħna, sabiex iqattgħu l‑vaganzi tal‑Għid tagħhom b’differenza billi jżuru l‑ispazju hawn fl‑Esplora. L‑għan hu li noħolqu memorji pożittivi dejjiema għall‑familji li jżuru l-Esplora, filwaqt li nesponuhom għad‑dinja tax‑xjenzi spazjali u nħeġġu l‑interessi tagħhom fil‑qasam tal‑iSTEM.”
Il-Kap tal‑Esplora Olaf Mckay qal li permezz ta’ dan l-avveniment qed ikomplu jżidu l-għarfien dwar opportunitajiet għar-riċerka spazjali f’Malta, biex isservi ta’ ispirazzjoni għall‑ġenerazzjonijiet futuri ta’ xjenzati. Huwa kompla li fl-Esplora impenjati li jkomplu juru li x‑xjenza tista’ tkun divertenti u b’hekk jilħqu l‑għan aħħari li joħolqu kultura ta’ kurżità xjentifika u kreattività.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn https://esplora.org.mt/journey‑to‑space/ jew bit-telefon fuq 23602300. Il‑biljetti jistgħu jinkisbu biss mal‑bieb.