Is-sapporters tal-klabbs Maltin baħrin tal-bnazzi?
Ħafna jgħidu li l-Maltin tal-futbol baħrin tal-bnazzi. Tmur sa Ta’ Qali biex tara logħba tal-
Premier u mill-attendenza tinduna min hu dak il-Klabb li qiegħed fl-ewwel post u min mhux.
Biex inkunu ċari mal-ewwel, fost il-pubbliku ġenerali hemm apatija kbira lejn il-futbol lokali
u biex ngħidu kollox ukoll hija ħasra għax ħafna klabbs kibru fl-organizzazzjoni, marketing u
branding permezz tal-midja soċjali. Fl-opinjoni ta’ ħafna l-livell tal-logħba ogħla u dan
narawh meta l-klabbs jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Illum klabb Malti jasal
faċilment sat-3 round u anke s-sena l-oħra fil-Play Off, l-aħħar tarġa qabel tidħol fil-fażi tal-
gruppi.
Jekk dan kollu huwa vera, u jekk nieħdu dan l-istaġun li għadda bħala study case, għala
klabbs bħal Valletta, Hibernians, Floriana u Birkirkara kien ikollhom attendenza miżera
jattendu l-ground? Ħafna se jgħidu imma Birkirkara fil-finali kellhom ħafna nies. Iva very,
però matul l-istaġun le. Fejn kienu s-sapporters tal-Valletta, dawk li meta jintrebħu l-unuri
jimlew il-Valletta Side u jħabbtu fuq sidirhom kemm iħobbu l-klabb? Jew xi ngħidu rigward
il-partitarji tal-Ħibs, li s-sena l-oħra rebħu l-kampjonat u din is-sena rari qabżu l-400 ruħ u
qed inkunu ġeneruzi. Il-Ħamrun rebħu l-kampjonat però jekk irridu nkunu onesti, stennejna
ħafna aktar nies. Ħafna drabi lanqas l-enclosure ma mtela, xi ħaġa li tistenna minn klabb
bħall-Ħamrun u minn klabb li kien qed jiġri bil-kampjonat.
Mhux se nsemmu l-kwalità tas-sapport, għax dan huwa fjakk ħafna u ħafna drabi nispiċċaw
nisimgħu l-marċi qisna qegħdin il-festa u nies siekta jħarsu. Però dak huwa argument ieħor li
niddiskutu darb’ oħra.
Mela għala din l-apatija kollha tal-pubbliku ġenerali? Ħafna se jsemmu għax il-ground ma
jilqgħekx għax diġà nafu min se jerbaħ il-kampjonat, għax il-livell baxx. Dawn huma kollha
skużi. Ir-raġuni hija għax aħna l-Maltin baħrin tal-bnazzi.
U int x’taħseb? Int baħri tal-bnazzi?