“L-ammont ta’ sigħat ta’ dan ix-xogħol hu iebes” – il-Kok Aaron Degabriele
Ftit ġranet ilu saqsejniekom x’inhu l-iktar xogħol diffiċli fid-dinja u ttegja lil xi ħadd li jagħmlu.
Iktar minn persuna waħda ttegjat lill-kok Aaron Degabriele, magħruf għall-ikel Maltin li jsajjar.
Aħna tkellimna miegħu u spjegalna kif ilu f’dan ix-xogħol minn meta kellu 16-il sena.
“Niftakarni mis-Sekondarja dejjem nixtieq immur l-iskola tal-catering. Dan ix-xogħol, jekk huwa passjoni li trid tkun fik. Illum apparti l-professjoni tiegħi fil-kċina, immexxi ż-żewġ ristoranti li għandi ġewwa l-Belt Valletta; Aaron’s Kitchen li ilu mill-2011 u aktar riċenti, tas-Soli, restorant b’tema Maltija, fejn apparti li nieħu ħsieb il-kċejjen tiegħi, nieħu ħsieb anke l-aspett tan-negozju.”
Huwa jistqarr li xogħlu fih bosta diffikultajiet.
“Jiena nemmen li jekk xogħlok tkun tħobbu d-diffikultajiet tagħmel minn kollox biex tibdilhom f’challenges. Però d-diffikultajiet huma bosta. Waħda mill-aktar iebsin hija l-ammont ta’ sigħat li dan ix-xogħol jirrekjedi biex isir. Jiena nqatta’ bejn wieħed u ieħor 14-il siegħa kuljum, mit-Tnejn sas-Sibt fir-ristoranti tiegħi. Ħinijiet twal li ftit jew wisq jaffettwawli saħħti u jżommuni ‘l bogħod mid-dar. Li għandi tajjeb hu li l-familja tiegħi taħdem miegħi u għalkemm fuq il-post tax-xogħol ingawdu lil xulxin b’dan il-mod.”
Problema oħra li qed jaffaċċja hija n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-għola tal-ħajja.
“Ninsabu f’sitwazzjoni li qed ikollna nimpjegaw ħaddiema barranin li jġibu sfidi kbar magħhom, bħalma huma; kultura, lingwa, ideat, taħriġ u xogħol ieħor burokratiku ta’ dokumentazzjoni. Ħaġa oħra li bħalissa qed tagħmilli l-ħajja diffiċli hija l-għoli tal-ħajja. Ħafna jaħsbu li l-prezzijiet fir-ristoranti Maltin huma għola minn dawk ta’ barra minn Malta. Però ftit jirrealizzaw kemm għolew dawn l-aħħar xhur. Il-kumditajiet u s-servizzi li joffru r-ristoranti tagħna kollha jissarrfu fi spejjeż. Eżempju żgħir hu l-kollezzjoni tal-iskart, inħallas madwar €300 fix-xahar. Dawn huma kollha spejjeż li jridu jiġu koperti mill-costings tiegħi filwaqt li nibqa’ nwassal l-aqwa prodott, bl-aqwa esperjenza possibbli u valur għal flusu lill-klijenti tiegħi. Bicca wġigħ ta’ ras.”
Minkejja kollox, dan ix-xogħol ma jbidlu ma’ xejn.
“Din hija passjoni. Minkejja d-diffikultajiet kollha, is-sengħa tiegħi tagħtini ħafna sodisfazzjonijiet ukoll. Bħalma hija l-inklużjoni ta’ wieħed mir-ristoranti tiegħi fil-gwida tal-Michelin. Imma waħda mill-akbar sodisfazzjonijiet tiegħi hija li nara l-klijent feraħ u sodisfatt bl-esperjenza tiegħu fir-ristoranti tiegħi. Din lili tagħmilli l-ġurnata.”
Illum se jaħdem f’Jum il-Ħaddiem?
“Le. Jien kont ħadt deċiżjoni li l-Ħdud u festi kemm jista’ jkun ma niftaħx. Għall-inqas dawn il-ġranet, kemm jiena u kemm tiegħi nkunu nistgħu ngawduhom mal-familji tagħna.”