Beda x-xogħol fuq faċilitajiet ġodda għal persuni b’diżabilità f’Ħal Kirkop

 Beda x-xogħol fuq faċilitajiet ġodda għal persuni b’diżabilità f’Ħal Kirkop

B’investiment ta’ €1.4 miljun il-Gvern qed jibni post ġdid f’Ħal Kirkop minn fejn persuni b’diżabilità ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi tranżitorji dwar għajxien indipendenti fuq bażi residenzjali. Il-proġett, li se ikun qed jitmexxa mill-Aġenzija Sapport, se jkun jista’ jilqa’ sa massimu ta’ disa’ persuni b’diżabilità fl-istess ħin. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-binja huwa mistenni li jitlesta sa Novembru li ġej u wara jibdew ix-xogħlijiet fuq ġewwa.

 

Hu mistenni li l-ewwel persuni b’diżabilità jibdew il-programm ta’ taħriġ fl-2025.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia, waqt żjara fis-sit fejn bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni. Il-Ministru kienet akkumpanjata minn Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport.

 

Il-Ministru saħqet kif il-mod li bih se jkun qed jitħaddem is-servizz se jkompli jimplimenta l-pjan ta’ Aġenzija Sapport biex tkun tista’ tilħaq aktar persuni b’diżabilità. Dan billi toffri forma alternattiva ta’ appoġġ fil-qasam tas-servizzi residenzjali waqt li tgħinhom jilħqu livell ta’ indipendenza b’sapport minimu.

 

Dan hija parti mill-mixja ta’ Aġenzija Sapport lejn l-implimentazzjoni tal-pjan tagħha, li tenfasizza fuq għajxien indipendenti b’sapport minflok postijiet residenzjali permanenti u dan b’konformità mal-Konvenzjoni tal-UNCRPD li tisħaq fuq l-inklużjoni fil-komunità, id-dritt tal-għażla u l-aċċenn fuq distituzzjonalizzazzjoni.

 

Huwa għalhekk li din ir-residenza ġdida se tkun qed topera fuq bażi ta’ transizzjoni u mhux fuq bażi permanenti. Persuni b’diżabilità jagħmlu perjodu stipulat fir-residenza skont il-bżonn individwali tagħhom li matulu jingħataw taħriġ f’ħiliet ta’ għajxien indipendenti. Wara jkunu jistgħu jgħixu waħedhom jew b’sapport fil-komunità.

 

Ġie spjegat ukoll li se jitħejja pjan għal kull persuna fuq livell individwali b’miri li jkunu jridu jintlaħqu matul il-perjodu li dawn ikunu qegħdin jgħixu fir-residenza. Il-pjan iħares ukoll lejn fejn se jkunu qed jgħixu wara l-programm tranżitorju, fejn hemm il-possibbiltà li jmorru jgħixu ma’ qrabathom fil-komunità jew f’akkomodazzjoni għal rashom jew ma’ oħrajn b’riżultat ta’ ftehim riċenti li sar bejn Aġenzija Sapport u l-Awtorità tad-Djar. F’każ li persuna ma tilħaqx il-miri stabbiliti tiġi identifikata residenza oħra b’livell ogħla ta’ sapport għall-persuna kkonċernata.

 

Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna ddeskriva l-proġett bħala mera ċara ta’ kif Aġenzija Sapport qed timxi fuq il-linja tal-UNCRPD fuq distituzjonalizzazzjoni u toffri aktar opportunitajiet biex persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità. B’riżultat ta’ dan il-proġett u oħrajn fil-pjanijiet ta’ Aġenzija Sapport, iktar persuni b’diżabilità se jkollhom l-opportunità li mhux biss jiksbu indipendenza imma li matul il-perjodu tranżitorju jkunu segwiti minn ħaddiema tal-Aġenzija biex issir valutazzjoni u jitfassal pjan personalizzat biex dawn l-individwi jilħqu l-miri tagħhom.

 

Aġenzija Sapport għandha 10 residenzi f’Malta (Imtarfa, Bormla, is-Siġġiewi, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, il-Marsa, Pembroke u ż-Żurrieq) u waħda fir-Rabat, Għawdex. Proġett ta’ binja oħra fil-Qrendi wasal biex ikun konkluż.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com