“Grazzi għalikom, il-pazjenti fl-isptarijiet għandhom tama ikbar ta’ fejqan u ħajja aħjar” – il-President lid-donaturi tad-demm

 “Grazzi għalikom, il-pazjenti fl-isptarijiet għandhom tama ikbar ta’ fejqan u ħajja aħjar” – il-President lid-donaturi tad-demm

Il-President George Vella radd ħajr lid-donaturi tad-demm għall-att kbir ta’ karità li jwettqu lejn ħaddieħor, ikun min ikun. Qal li huma jagħtu eżempju ċar ta’ kif il-kuxjenza soċjali tgħinna ma naħsbux biss għall-interessi personali, iżda nqisu wkoll il-bżonnijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli u fil-bżonn.

 

F’ċerimonja ta’ ġieħ lid-donaturi tad-demm, li saret l-Erbgħa filgħaxija fil-Palazz Verdala, il-President Vella rrimarka kif donazzjoni waħda tad-demm għandha l-potenzjal li ssalva mill-inqas tliet ħajjiet li jkunu fil-periklu. “Kburi ngħid li l-poplu Malti dejjem irrisponda bi ħġaru meta kien hawn sejħa għad-demm. Bi pjaċir inżid ngħid li f’Malta d-donaturi dejjem għamlu l-għotja tagħhom mingħajr l-ebda pretensjoni ta’ xejn – anzi bi kburija li qegħdin jagħmlu karità ma’ min lanqas biss jafu min huwa. Ta’ dan, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, ngħidilkom grazzi mill-qalb,” qal il-President.

 

Waqt li kien qed jindirizza lil 25 donatur tad-demm li spikkaw fid-donazzjonijiet tagħhom, il-President Vella stqarr li grazzi għalihom u għal oħrajn bħalhom, dejjem irnexxielna nevitaw sitwazzjoni fejn ir-riserva tad-demm f’Malta tkun fi stat kritiku. Dan minkejja li fl-aħħar snin żdiedu l-emerġenzi, l-operazzjonijiet komplikati li jkollhom bżonn id-demm, u t-trattamenti ta’ każi tal-kanċer li jużaw demm sħiħ jew prodotti tiegħu.

 

Il-President ħeġġeġ lil iktar nies biex jingħaqdu mad-donaturi sabiex ir-riserva tad-demm qatt ma tkun fil-periklu li tispiċċa. Il-President appella wkoll biex nitkellmu iżjed bejnietna u nħeġġu lil qraba, familjari, ħbieb, u kollegi biex nagħtu d-demm flimkien, anke permezz ta’ inizjattiva ta’ grupp. “Lilna ma jiswielna xejn – ħlief ftit kuraġġ, u rieda li nagħtu d-demm,” temm jgħid il-President, waqt li rrikonoxxa wkoll id-dedikazzjoni u l-ħidma kontinwa tal-professjonisti li jaħdmu fis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm u tal-banek tad-demm fl-Isptar Mater Dei u tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. ​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com