Inawgurat spazju miftuħ fil-qalba tal-komunità tar-Rabat

 Inawgurat spazju miftuħ fil-qalba tal-komunità tar-Rabat

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, inawguraw ir-rinnovazzjoni ta’ spazju miftuħ magħruf bħala Ġnien Bir l-Iljun fil-qalba tar-Rabat.

 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol li għamlu flimkien mal-ħaddiema tal-Kunsill Lokali sabiex dan il-ġnien issa jista’ jitgawda mill-pubbliku. Huwa stqarr kif proġetti bħal dawn huwa l-mod għaqli kif il-Gvern juża r-riżorsi kollha tiegħu biex ikun ta’ spalla għall-kunsilli lokali sabiex jitwettqu proġetti fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.

 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ġie ffinanzjat madwar €25,000 għal dan il-proġett, minn skema maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. “Il-Gvern kommess li jibqa’ jalloka l-finanzi lill-qasam tal-Gvern Lokali, għaliex għandna fiduċja sħiħa fil-kunsilli lokali sabiex iwettqu aktar inizjattivi u jimplimentaw proġetti favur il-lokalitajiet u r-residenti,” saħqet Zerafa Civelli. Hija faħħret ukoll l-impenn tal-Kunsill Lokali tar-Rabat favur dan il-proġett.

 

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus wera l-apprezzament tiegħu lill-ħaddiema kollha li kienu ta’ għajnuna biex seta’ jsir dan il-proġett. Huwa tenna li wara snin ta’ telqa dan il-ġnien issa jista’ jerġa’ jibda jitgawda mir-Rabtin u minn dawk kollha li jżuru din il-lokalità.

 

Fost ix-xogħlijiet li saru fil-ġnien, sar xogħol fuq il-ġiebja sabiex it-tisqija tal-pjanti u s-siġar issir b’mod awtomatiku u regolari. Inxtraw bandli għat-tfal li huma aktar moderni u siguri, filwaqt li d-dawl, il-bankijiet u l-bins tal-iskart ġew mibdula. Id-dawl ġie wkoll installat b’tali mod li l-light pollution tiġi minimizzata. Ir-railing u l-bieb minn fejn wieħed jidħol ingħataw coating protettiv u żebgħa ġdida, kif ukoll ġew restawrati il-ħitan ta’ madwar il-ġnien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com