Investiment ta’ €8.2 miljun għall-bini tal-Kumpless tal-Football u r-Rugby f’Kordin

 Investiment ta’ €8.2 miljun għall-bini tal-Kumpless tal-Football u r-Rugby f’Kordin

Fil-jiem li ġejjin, se jibdew ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni tal-kumpless sportiv f’Kordin, li se jkun l-ewwel tat-tip tiegħu f’pajjiżna u li se jinbena skont l-istandards tal-UEFA u l-IRB. Dan tħabbar waqt żjara li saret dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.

 

Il-kumpless, li qed isir b’investiment ta’ €8.2 miljun, jikkonsisti fil-bini ta’ stadium u ground b’turf artifiċjali li se jkun jesa’ mas-650 spettatur. Meta jitlesta, f’dan l-istadium mistenni jintlagħab logħob domestiku u internazzjonali kemm tal-football kif ukoll tar-Rugby. Il-kumpless mistenni wkoll jinkludi diversi faċilitajiet fosthom changing rooms, uffiċini, sala tal-konferenzi, ristorant, sala għall-media u anke parkeġġ.

 

Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-investiment sportiv f’pajjiżna. “Apparti proġetti ta’ infrastruttura li pajjiżna jiddependi minnha, bħat-toroq, bħala Gvern se nkomplu noħolqu aktar infrastruttura sportiva f’pajjiżna biex l-atleti tagħna jkollhom l-aqwa ambjent fejn jipprattikaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom,” qal il-Ministru Farrugia.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima qal “Dan huwa impenn ieħor infrastrutturali li minnu se jgawdu l-atleti tagħna. Il-wegħda li għamilna kienet li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, qed nimmiraw li pajjiżna jkollu faċilitajiet sportivi  ta’ standards internazzjonali li jservu mhux biss lill-atleti bħala post ta’ livell fejn jipprattikaw l-isport, imma wkoll iservu ta’ sisien għall-industrija tal-isport li tattira wkoll investiment lejn pajjiżna.”

 

Il-proġett qed jiġi immaniġġjat minn Projects Plus Limited li ħadet responsabbiltà tax-xogħlijiet sa mill-istadju bikri, u ħadet ħsieb kemm ix-xogħol amministrattiv kif ukoll dak tekniku.

 

L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kienet tinvolvi eżerċizzju ta’ skavar tal-art kif ukoll it-tneħħija u l-esportazzjoni ta’ tunnellati kbar ta’ skart ikkontaminat li kien hemm f’dan is-sit.

 

Fil-jiem li ġejjin, mistenni jibda l-bini tal-pitch u l-parkeġġ u se jiġu installati l-floodlights u l-fencing.

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus James Camenzuli, il-Maniġer tal-Proġett Andre Previ u l-Perit Johann Farrugia.

​​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com