Ippremjati l-għaqdiet taż-żgħażagħ li taw kontribut lis-soċjetà Maltija matul is-sena ddedikata lilhom

 Ippremjati l-għaqdiet taż-żgħażagħ li taw kontribut lis-soċjetà Maltija matul is-sena ddedikata lilhom

Parliamentary Secretary for Youth, Research and Innovation Keith Azzopardi Tanti attends the European Year of Youth award ceremony Aġenzija Żgħażagħ, Santa Venera

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ppremja lill-għaqdiet taż-żgħażagħ li taw kontribut siewi fis-soċjetà Maltija matul is-sena li għaddiet. Il-premjazzjoni saret waqt konferenza organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ biex tkompli tħeġġeġ aktar żgħażagħ jagħtu sehemhom fil-komunità.

 

Il-kategoriji għal dawn il-premji kienu maqsumin f’sitta: Youth Empowerment u Parteċipazzjoni Attiva; Involviment u Solidarjetà fil-Komunità; Attiviżmu u Tixrid tal-Informazzjoni; Sostenibbiltà; Tħaddin ta’ Dimensjoni Ewropea; u Attivitajiet Kulturali u Interattivi. Minn dawn il-kategoriji, ġew ippremjati 12-il għaqda taż-żgħażagħ.

 

Is-segretarju parlamentari qal, “L-Unjoni Ewropea ddikjarat is-sena 2022 bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ għaliex temmen li huma pedament sod biex nibnu futur aħjar – aktar ekoloġiku, aktar inklussiv u diġitali. Din hija wkoll il-viżjoni tagħna għaliex nemmnu bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom il-kapaċità li jgħollu l-livell tagħna bħala pajjiż. Xhieda ta’ dan huwa l-Forum Konsultattiv taż-Żgħażagħ li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu.”

 

Żied jgħid kemm l-investiment fiż-żgħażagħ qed dejjem jikber anke permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ li toffri diversi skemi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ jew għal dawk l-għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ.

 

“Dawn il-premji huma ġest ta’ apprezzament għax-xogħol siewi li intom iż-żgħażagħ qed twettqu fil-komunità. Filwaqt li nirringrazzjakom, inħeġġiġkom sabiex tkomplu twettqu l-ġid li qed tagħmlu,” ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

 

Tkellem ukoll id-Direttur ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Jason Zammit, li qal kemm is-sehem taż-żgħażagħ qed dejjem ikompli jikber. Huwa spjega li l-aġenzija rċeviet aktar minn 150 proġett differenti li saru fl-2022 minn għaqdiet taż-żgħażagħ u minn dawn ġew magħżula l-proġetti li ġew ippremjati.

 

“Ix-xogħol ta’ Aġenzija Żgħażagħ huwa proprju li nħeġġu u ngħinu aktar żgħażagħ jersqu qrib il-komunitajiet tagħhom billi jissieħbu u jagħtu sehemhom fl-għaqdiet li jsibu lokalment. B’dawn il-premji, xtaqna nirringrazzjaw liż-żgħażagħ għall-ħidma kontinwa tagħhom fil-komunitajiet u nagħżlu l-aktar proġetti li kienu meqjusa ta’ kwalità għolja sabiex inkomplu ngħollu l-livell,” temm jgħid Jason Zammit.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com