“It-tonn tal-bieraħ ma jistax jittiekel” – Prof Alan Deidun
Wara l-inċident tal-bieraħ li fih it-tonn miet qrib ħafna tax-xatt, kien hemm dibattitu li qam rigward jekk il-laħam tat-tonn ikunx jista’ jintuża għall-konsum tal-ikel jew le. Ħafna qalu li għandu jintuża u ma jmurx għall-ħela,madankollu min-naħa l-oħra, oħrajn qalu b’mod korrett li l-laħam tat-tonn ma jkunx jista’ jittiekel minħabba l-kundizzjonijiet ta’ kif miet it-tonn.
Aħna ta’ Strada Rjali, tkellimna ma’ Profs Alan Deidun, Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Oċean, li kkonferma li fil-każ tal-mewt tat-tonn tal-bieraħ, il-laħam ma kienx ikun jista’ jintuża għall-konsum tal-ikel, peress li għadda minn mewt stressanti u trawmatika, minbarra l-fatt li weġġa’ wkoll.
Meta dawn il-fatturi kollha jkunu preżenti, it-tonn jarmi ċertu ormon li huwa tossiku għall-bnedmin, speċjalment fit-tonn. Prof Deidun qal ukoll li dan ikun viżibbli mill-kulur tal-laħam tat-tonn, ma jkunx aħmar daqskemm suppost huwa meta jintuża għall-konsum tal-ikel.