Microsoft tiċċelebra 20 sena f’Malta
Waqt li kien qed jindirizza konferenza fl-okkażjoni tal-20 sena tal-kumpanija Microsoft f’pajjiżna, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li s-suċċess ta’ din il-kumpanija f’pajjiżna jmur id f’id mas-suċċessi li qiegħed jikseb pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija innovattiva.
Il-Ministru Schembri semma kif Malta fil-qasam teknoloġiku għamlet passi ta’ ġgant, tant li fid-Digital Futures Index li sar mill-Microsoft madwar l-Ewropa, sab li Malta qeda fl-istess post ma’ pajjiżi bħall-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Olanda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konnettività u investiment fir-riċerka u żvilupp.
Pajjiżna kiseb l-għola riżultat, 96%, fuq servizzi ta’ eGovernment, dan skont studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea. Malta hawnhekk qabżet lill-pajjiżi ferm akbar minnha bħalma huma l-Estonja, l-Olanda, l-Finlandja, id-Danimarka, Norveġja, Spanja u l-Portugal, fost oħrajn.
“Meta nitkellmu fuq it-teknoloġija, ma nistgħux ma nsemmux l-Intelliġenza Artifiċjali, li hija realtà li qiegħda magħna aktar milli naħsbu. Hawnhekk ukoll sa mill-bidu fhimna l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ dan il-qasam u fl-2019 nedejna l-istrateġija tagħna għall-AI. Dak iż-żmien konna nafu li waħda mill-aspetti importanti hija s-sigurtà u l-etika, u dak li għedna dakinhar għadu validu sal-lum,” qal il-Ministru Schembri.
“Biex inkomplu nirnexxu f’dan il-qasam irridu nibqgħu ninvestu fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni. Irridu nkomplu nattiraw u nikkoperaw mal-industrija biex inkomplu noħolqu aktar opportunitajiet f’dawn is-setturi li huma l-futur,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.