Mill-inqas 79 persuna mgħarrqa fuq dgħajsa qrib il-Greċja
Mill-inqas 79 persuna tilfu ħajjithom u madwar 500 oħra huma meqjusa nieqsa fl-ikbar traġedja tal-immigranti din is-sena, qrib il-Greċja.
Il-vittmi huma kważi kollha mill-Afganistan u mill-Pakistan, u għerqu meta l-bastiment tas-sajd li kienu qed jivvjaġġaw fuqu inqeleb fin-naħa t’isfel ta’ Peloponnese.
Mhux magħruf eżattament kemm kien hemm passiġġieri fuq il-bastiment li telaq mill-punent tal-Libja fi triqtu lejn l-Italja.
Sa nżul ix-xemx, il-gvern interim tal-Greċja iddikjara tliet ijiem ta’ luttu nazzjonali biex ifakkar it-traġedja.
Uffiċjal Grieg qal li qed ikun spekulat li kien hemm sa 600 persuna abbord il-bastiment li għereq kompletament.
Madwar 104 persuni ġew salvati sal-Erbgħa waranifsinhar.
Ir-riħ qawwi ma waqqafx il-ħidma ta’ salvataġġ u saħansitra nies bid-dgħajjes żgħar personali tagħhom ħarġu fuq il-baħar biex jagħtu daqqa t’id biex isalvaw il-vittmi.
Uħud milli salvaw ġew ikkwotati jgħidu li kif waqfet il-magna tal-bastiment, dan għereq kważi mill-ewwel. Iktar tard filgħaxija ġie ppublikat ritratt mill-ajru tal-bastiment kbir mgħobbi bin-nies ftit qabel ma għereq.
Intant l-aġenzija Frontex flimkien mal-awtoritajiet Griegi qalu li ripetutament offrew l-għajnuna lill-bastiment iżda din ġiet irrifjutata, għax dawk abbord qalu li riedu jkomplu fi triqithom lejn l-Italja. Waranofsinhar, bastiment tal-merkanzija resaq qrib il-bastiment bl-immigranti u tahom ikel u ilma.
Hu mifhum li t-traffikanti tal-immigranti qed jieħdu riskji akbar biex jevitaw il-gwardji tal-kosta Griega u jippruvaw jaslu l-Italja. Il-Greċja kienet fil-mira ta’ kritika ħarxa wara li sfurżat immigranti li jkunu waslu mal-kosta biex jerġgħu jirkbu l-bastimenti u tkeċċihom.